Thursday, November 13, 2025

Malta b’viżjoni li ssir ċentru ewlieni fl-oqsma tal-MedTech, Life Sciences u s-saħħa diġitali

– il-Prim Ministru Abela waqt il-MedTech World Malta 2025

Aqra wkoll

Waqt li kien qed jindirizza l-MedTech World Malta 2025, il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta l-viżjoni strateġika ta’ Malta biex tippożizzjona lilha nnifisha bħala ċentru ewlieni fl-Ewropa fl-oqsma tal-MedTech, life sciences u s-saħħa diġitali. Huwa sostna li din l-ambizzjoni nazzjonali hija mnaqqxa fil-Viżjoni Malta 2050.

MedTech World Malta 2025 huwa avveniment annwali li jiġbor flimkien aktar minn 2,000 delegat, u kelliema esperti  minn madwar id-dinja. B’parteċipazzjoni wiesgħa ta’ startups, investituri u rappreżentanti tal-gvern minn bosta pajjiżi fosthom l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Ewropa, il-Lvant Nofsani u l-Asja.

Il-Prim Ministru nnota kif f’pajjiżna ġew introdotti diversi inċentivi immirati biex jappoġġjaw kemm innovaturi kif ukoll investituri. Dan flimkien ma’ qafas regolatorju mfassal apposta biex jattira teknoloġiji emerġenti mingħajr ma tiġi imminata s-sigurtà, l-etika jew il-ġid tal-pazjenti.

“L-innovazzjoni vera tiffjorixxi meta l-Gvern, l-akkademja, l-industrija u l-fornituri tal-kura tas-saħħa jaħdmu flimkien f’ekosistema kollaborattiva u unika,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela. Istituzzjonijiet bħall-Malta Enterprise, il-Malta Life Sciences Park, l-Università ta’ Malta u l-Ministeru għas-Saħħa qed jaħdmu f’sinerġija biex jinħoloq ambjent fejn ideat ġodda jistgħu mhux biss jiffjorixxu, imma jespandu u jagħmlu impatt globali. Dan l-approċċ kollaborattiv huwa assistit b’investiment qawwi fl-edukazzjoni u fit-taħriġ għall-iżvilupp tas-suq tax-xogħol, immirati sabiex jixprunaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ xjenzati, inġiniera u esperti tas-saħħa diġitali. Huwa żied jgħid kif il-kollaborazzjonijiet li pajjiżna għandu ma’ istituzzjonijiet internazzjonali tar-riċerka qed ikomplu jsaħħu t-talent lokali f’dak li għandu x’jaqsam mal-bijoteknoloġija, l-inġinerija MedTech, l-intelliġenza artifiċjali u s-saħħa diġitali.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera wkoll għall-aġilità ta’ Malta biex tippożizzjona lilha nnifisha bħala testbed għal dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa diġitali u għall-pjattaformi tad-data fid-dinja reali. L-isptarijiet u l-kliniċi f’Malta u Għawdex diġà qed jimplimentaw proġetti fid-dijanjostika mmexxija mill-IA, telehealth, ir-robotika u s-sistemi diġitali. Dawn l-inizjattivi mhux biss qed itejbu r-riżultati tal-pazjenti, iżda qed juru wkoll il-kapaċità ta’ Malta li tħaddan l-innovazzjoni b’aġilità.

Dr Abela żied jgħid li Malta qed tkompli ssaħħaħ rabtiet internazzjonali ma’ ċentri tar-riċerka, sptarijiet u kumpaniji MedTech. Kollaborazzjonijiet bejn l-Università ta’ Malta u l-Isptar Mater Dei ma’ entitajiet privati qed jgħinu biex ir-riċerka xjentifika tinbidel f’soluzzjonijiet prattiċi u li jistgħu jintużaw għall-kura tas-saħħa. Il-Prim Ministru sostna li l-interess li dejjem qed jikber ta’ investituri, speċjalment f’oqsma tar-riċerka dwar l-onkoloġija u d-dijanjostika bl-IA, qed isaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż affidabbli f’dak li għandu x’jaqsam ma’ innovazzjoni ta’ valur għoli.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, sostna li l-progress li kiseb pajjiżna fit-trasformazzjoni diġitali saħħaħ il-pedamenti ta’ niċċa ekonomika ġdida – MedTech. “L-investimenti li għamilna snin ilu fl-infrastruttura diġitali, fit-taħriġ u fl-innovazzjoni issa qed jagħtu l-frott, u qed jittrasformaw lil Malta f’destinazzjoni ta’ fiduċja għat-teknoloġija u r-riċerka avvanzata fil-qasam tas-saħħa,” saħaq il-Ministru Schembri.

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-MedTech World tinkludi mexxejja internazzjonali bħal Houston Methodist, MedTech Innovator, Dubai Science Park, Johnson & Johnson, Boston Scientific, Philips, BlackRock u Malta Enterprise, li flimkien juru l-impenn globali li dejjem qed jikber lejn l-ekosistema MedTech f’Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport