Saturday, November 23, 2024

“Malta hija Covid safe”; “Żdied it-testing iżda l-perċentwal ta’ każijiet ġodda kompla jonqos”

Aqra wkoll

“Malta hija Covid-safe.” Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li ġie intervistat dalgħodu fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista.

B’referenza għall-ewwel xahar tal-pandemija f’pajjiżna, il-Prim Ministru tenna li n-numru ta’ testijiet li kienu qed isiru kien jammonta għal terz ta’ dak li qed isir illum. “Dakinhar ir-rata’ każijiet pożittivi relatata mat-testing kienet ta’ 2.7%.”

Tenna li mis-7 ta’ April għas-7 ta’ Mejju, żdied it-testing iżda l-każijiet pożittivi ir-rata naqset minn 2.7% għal 0.7%.

Wara li tneħħew il-miżuri restrittivi, jiġifieri mis-7 ta’ Mejju ’l quddiem, komplew jiżdiedu t-testing u r-rata ta’ każijiet ġodda kompliet tinżel għal 0.6%.

Il-Prim Ministru Abela saħaq li l-Gvern dejjem kien fattwali u oġġettiv, u dawn il-prinċipji ddefinixxew ħidmet il-Gvern f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Saħaq li llum il-ġurnata pajjiżna qed jirritorna għan-normalità, u nhar il-Ġimgħa l-poplu ħass solljiev meta bit-tneħħija ta’ miżuri restrittivi kafetteriji, ristoranti, u hairdressers fost ħwienet oħrajn reġgħu fetħu mill-ġdid.

Huwa żied jgħid li s-saħħa u l-ekonomija huma kumplimentari, u b’referenza għall-kriżi ekonomika tal-Greċja emfasizza li mingħajr ekonomija b’saħħitha pajjiż ma jistax ikollu servizz tas-saħħa b’saħħtu, u viċi-versa.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-appoġġ, anke dak finanzjarju, li l-Gvern ta lin-negozji biex jassistihom tul dawn il-ġimgħat diffiċli. Qal li llum il-Gvern qed iħares lejn inċentivi differenti li jwasslu biex jinċentivaw l-ekonomija. “Ma tistax tibqa’ tagħti wage supplement għal dejjem,” tenna l-Prim Ministru hekk kif qal li tali approċċ iwassal biex l-ekonomija tfalli.

Fl-istess waqt huwa emfasizza li pajjiżna huwa reżiljenti mill-aspett ta’ saħħa u ekonomija.

Huwa tkellem ukoll dwar il-problema tal-immigrazzjoni irregolari fejn tenna li dwar din il-kriżi umanitarja l-Gvern dejjem osserva l-obbligi internazzjonali. Madankollu tenna li wieħed ma jistax jagħlaq l-ajruport u fl-istess ħin iżomm il-portijiet miftuħin.

Tenna li pajjiżna qabeż bil-ħafna l-massimu dwar kemm jista’ jilqa’ immiganti. “Illum Malta laqgħet mal-4,000 immigrant, 1% tal-popolazzjoni,” tenna l-Prim Ministru.

Sport