Il-pakkett ta’ miżuri adottat mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew f’Lulju li għadda, li oriġinarjament kien intenzjonat biex jimmodernizza r-regoli tal-UE tat-trasport fuq l-art, fl-aħħar verżjoni adottata kien jinkludi żewġ regoli speċifiċi: ir-regola tar-Ritorn tal-Vetturi lejn id-dar u r-regola dwar il-‘Cabotage Cooling-Off period’. Dawn iż-żewġ regoli ma kinux parti mill-proposti oriġinali ppreżentati mill-Kummissjoni Ewropea, iżda kienu biss miżjuda lejn l-aħħar tal-proċedura leġiżlattiva, minkejja l-oġġezzjonijiet ta’ diversi Stati Membri, inkluż Malta.
Għaldaqstant dawn il-miżuri ma kinux suġġetti għal studju xieraq dwar l-impatt mill-istituzzjonijiet tal-UE. Studju li l-Gvern ikkummissjona mill-KPMG juri li dawn iż-żewġ regoli huma mistennija li jkollhom impatt negattiv fuq Malta, u se jwasslu biex it-trasport tal-merkanzija fuq l-art jopera bi spiża akbar, prinċiparjament minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta, b’impatt negattiv ukoll fuq l-ambjent. Il-pożizżjoni tal-Gvern hija li l-miżuri adottati jiksru l-proviżjonijiet tat-Trattat tal-UE u jwasslu għal disruzzjoni tas-Suq Uniku tal-UE bl-inklużjoni ta’ miżuri li se jwasslu għad-disruzzjoni tal-operat tat-trasport stradali, iżidu l-ispejjeż għall-konsumaturi u għall-esport, u b’mod negattiv u sproporzjonat jaffettwaw stat gżira fil-periferija bħal Malta. Għaldaqstant Malta qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla dawn il-miżuri.
Bħal Malta, hemm ukoll stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea li bdew jew se jkunu qed jibdew dan il-proċess ta’ annullament fuq l-istess miżura jew oħrajn li huma parti mill-Pakkett ta’ Mobilità.
Din hija l-ewwel darba li pajjiżna qiegħed iressaq kawza għal annullament ta’ dan it-tip quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.