Saturday, December 21, 2024

MALTA DEJJEM FAVUR ID-DJALOGU LI JWASSAL GĦALL-PAĊI

Aqra wkoll

Bħall-bieraħ sena ilu bdiet il-gwerra fil-Lvant Nofsani wara li militanti tal-Ħamas attakkaw territorju Iżraeljan u qatlu 1,200 ruħ filwaqt li aktar minn 250 persuna ttieħdu bħala ostaġġi. Minkejja li għaddiet sena minn dan il-kunflitt imdemmi, ma jidhirx li hemm tama li se jintemm fil-futur qarib anzi hemm il-biża’ li jkompli jeskala u jilħaq partijiet oħra tar-reġjun. U, kif inhi l-fehma tal-komunità internazzjonali, ma jistax ikun hemm paċi fil-Lvant Nofsani jekk din ma tkunx imsejsa fuq deċiżjoni li twassal għall-ħolqien ta’ stat Palestinjan flimkien ma’ Iżrael.

Kif kien mistenni, dwar din l-ewwel sena atroċi mill-bidu tal-gwerra, ikkummenta wkoll il-Prim Ministru Robert Abela li tenna li Malta se tkompli tkun attiva kontra t-terroriżmu għaliex il-vjolenza bejn iż-żewġ naħat titfa’ aktar fil-fond il-kriżi umanitarja u mhux il-paċi.

Malta bħalma għamlet dejjem, se tkompli bl-isforzi tagħha biex titrażżan il-vjolenza u tippromwovi d-djalogu bil-għan li tipproteġi l-ħajjiet. Dak li qal il-Prim Ministru juri wkoll li Malta qed tkompli tenfasizza l-vokazzjoni tagħha għall-paċi mhux biss fil-Mediterran imma anke fl-Ewropa u lil hinn.

Għalhekk hija essenzjali li pajjiżna jibqa’ jipproteġi n-newtralità tiegħu u ma jkun parteċipi ma’ ebda naħa jew oħra fil-kunflitt. Dan għaliex jekk pajjiżna jżomm ma’ xi naħa jfisser li jkun għadu tan-naħa l-oħra. Mill-kunflitt fil-Lvant Nofsani joħroġ tagħlima ta’ kemm l-eżistenza tal-umanità tinsab fil-periklu. Dan billi llum, spiss qed nerġgħu nisimgħu b’theddid ta’ użu ta’ armi nukleari li bla dubju jwasslu għall-qerda ta’ popli sħaħ. Anke ta’ popli li huma ‘l barra mill-konfini tal-kunflitt.

Dan kollu jitfa’ responsabbiltà mhux żgħira fuq spallejn il-komunità internazzjonali miġbura fin-Nazzjonijiet Uniti, billi llum aktar minn qatt qabel, teżisti l-ħtieġa li l-komunità internazzjonali tipprova ssib soluzzjoni dejjiema mhux biss għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani imma wkoll għal kunflitti oħra mxerrda f’diversi nħawi oħra tad-dinja.

Iżda għal pajjiżna huwa importantissimu li r-reġjun tal-Mediterran ma jkunx lok għal gwerer. Dan għaliex jekk ma jkunx hemm is-sliem fil-Mediterran ma jistax ikun sigurtà fl-Ewropa. Għalhekk il-vokazzjoni ta’ Malta favur is-sliem illum hija kruċjali aktar minn qatt qabel.

Ekonomija

Sport