Wednesday, December 25, 2024

Malta deskritta bħala “champion” fil-ġlieda kontra l-pandemija

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u d-Direttur Reġjonali għall-Ewropa tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa Hans Kluge ffirmaw Strateġija ta’ Koordinazzjoni bejn Malta u l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO) għas-snin 2022-2026. Dan il-ftehim ifassal il-mod li bih Malta u l-Uffiċċju Reġjonali tal-WHO jistgħu jikkoperaw fis-snin li ġejjin dwar l-oqsma tal-Universal Health Coverage, tal-protezzjoni kontra l-emerġenzi tas-saħħa u tal-promozzjoni tas-saħħa u l-benesseri.

Id-Direttur Reġjonali Hans Kluge spjega li l-ftehim iffirmat se jippożizzjona lil Malta fil-quċċata tal-governanza tas-saħħa fir-reġjun Ewropew, u anke dinji, fl-oqsma fejn pajjiżna huwa protagonist u wera l-aħjar prattiki, bħal fix-xiri konġunt tal-mediċini u tal-vaċċini, l-iscreening, u servizzi marbuta mal-kanċer, it-tisħiħ tal-kura tas-saħħa primarja u s-servizzi ta’ saħħa mentali. Huwa  fakkar li  pajjiżna kien strumentali sabiex l-Ewropa kisbet il-vaċċin kontra l-COVID-19 b’mod konġunt, filwaqt li faħħar il-bilanċ li nħoloq bejn il-ħarsien tas-saħħa u l-ekonomija, waqt il- pandemija. Huwa rringrazzja lid-Deputat Prim Ministru tal-kollaborazzjoni li dejjem wera mal-Uffiċju Reġjonali tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa.

Min-naħa tiegħu d-Deputat Prim Minsitru fakkar kif Malta dejjem ikkollaborat fuq livell Ewropew u anke fuq livell dinji fl-inizjattivi tal-WHO, u li dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ ix-xogħol konġunt li jsir. Huwa sostna li l-mod kif l-Ewropa rnexxielha trażżan il-pandemija tal-COVID-19 filwaqt li tkompli toffri s-servizzi tas-saħħa, minkejja l-pressjoni qawwija fuq is-sistemi tas-saħħa, hija ta’ eżempju għad-dinja u li l-WHO tista’ tgħin lill-pajjiżi madwar id-dinja kollha joffru l-istess livell għoli ta’ kura liċ-ċittadini. Chris Fearne spjega lil Hans Kluge kif pajjiżna se jneħħi l-maġġoranza tal-miżuri tal-COVID-19 sal-10 ta’ April, u kif l-Isptar Mater Dei qiegħed jirkupra mid-domanda fuq is-servizzi li ġew postposti minħabba l-pandemija. 

Dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, id-Deputat Prim Ministru spjega li Malta qiegħda toffri l-għajnuna umanitarja fil-forma ta’ mediċini, tagħmir protettiv, u anke servizzi tas-saħħa f’pajjiżna stess, permezz tal-inizjattivi tal-HERA u ECHO, madanakollu offra li pajjiżna jgħin ukoll b’mod addizzjonali permezz tal-inizjattivi tal-WHO.

Dan il-ftehim ta’ kollaborazzjoni jkompli jsaħħaħ ir-relazzjoni soda eżistenti bejn pajjiżna u l-WHO, li ilhom jikkollaboraw flimkien mill-qrib sa mill-2015, meta pajjiżna għall-ewwel darba daħal fi ftehim simili għal dak imġedded illum.  L-istrateġija tinkludi wkoll ir-rwol ta’ Malta fl-isfera tas-saħħa pubblika internazzjonali, fejn minkejja ċ-ċokon tal-pajjiż, Malta dejjem kienet attiva u sar xogħol fuq diversi inizjattivi u proposti internazzjonali.

Waqt l-istess żjara, Hans Kluge ippreżenta premju lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne bħala simbolu ta’ ringrazzjament u apprezzament mill-Uffiċju Reġjonali tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa għax-xogħol kbir u ddedikat li jsir favur saħħa aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.

Ekonomija

Sport