F’konferenza tal-aħbarijiet, Malta, wieħed mill-iżgħar Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, kienet deskritta bħala mudell uniku għall-pajjiżi internazzjonali fejn jidħlu testijiet ta’ smigħ bla ħlas. Dan qalu Patrick D’Haese, Kordinatur Internazzjonali tal-Hearing Health Forum.
Matul il-konferenza, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li dan iċ-ċertifikat għal pajjiżna fuq livell Ewropew huwa grazzi għall-ħidmapro-attiva tal-proġett pilota ta’ testijiet tas-smigħ bla ħlas li, flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba, ittieħed matul is-sena li għaddiet.
Permezz ta’ erba’ ċentri madwar Malta, il-proġett pilota li tmexxa mill-Assoċjazzjoni Awdjoloġista Maltin, irriżulta li minn 515-il test ta’ smigħ li saru, 41% ta’ dawk li pparteċipaw instab li għandhom impediment fis-smigħ. Matul is-sessjonijiet residenti minn madwar 24 lokalità differenti resqu ’l quddiem biex jagħmlu dawn it-testijiet tas-smigħ.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ħabbret li wara l-proġett pilota, bl-isem ta’ Hearing Care for All, fix-xhur li ġejjin se titnieda kampanja ta’ għarfien fuq skala nazzjonali biex jiżdied l-għarfien dwar kif nistgħu nipprevenu t-telf tas-smigħ minn età żgħira u nilqgħu għall-esklużjoni soċjali li ġġib magħha din il-kundizzjoni. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li id f’id se jitkompla l-proġett pilota b’aktar testijiet tas-smigħ f’irħula oħrajn.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli rrimarkat kif din il-kampanja nazzjonali u t-testijiet tas-smigħ se jkomplu jsaħħu l-impenn tal-Gvern li jimxu mal-kampanja globali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex titqajjem kuxjenza dwar kif nipprevjenu t-telf tas-smigħ u nippromwovu l-kura tal-widnejn u s-smigħ madwar id-dinja.
Il-Ministru semmiet kif din hija r-realtà tant li matul il-proġett pilota ltaqgħet ma’ nies li ma kinux qed joħorġu minn darhom minħabba din il-kundizzjoni.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli appellat lill-pajjiżi Ewropej biex jimxu fuq il-passi ta’ pajjiżna u jkunu pro-attivi fejn jidħol testijiet biex nipprevenu t-telf tas-smigħ u nkomplu nibnu soċjetà globali inklussiva. “Bil-fatti rridu li pajjiżna jkompli jkun il-wiċċ tal-inklużjoni,” ikkonkludiet il-Ministru Farrugia Portelli.
L-Ewro-Parlamenti u Viċi-President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba sostna li permezz tad-datali nġabret fil-proġett pilota li sar fl-aħħar xhur, għall-ewwel darba Malta għandha idea ċara ta’ kif din il-problema qed taffettwa l-ħajja ta’ bosta Maltin. Huwa kompla jgħid kif kien għalhekk li flimkien mal-Ministeru għall-Inklużjoni ħass il-ħtieġa li fuq bażi lokali hemm il-bżonn li l-poplu Malti jkompli jkabbar l-għarfien dwar dawn il-kundizzjonijiet biex imbagħad l-istat ikun jista’ jkompli jaħdem biex jara li dawn in-nies xorta waħda jkunu integrati bl-aħjar mod possibli fis-soċjetà tagħna.
Dr Agius Saliba qal li bħala President tal-Forum tas-Smigħ tal-Unjoni Ewropea u r-Relatur tal-Parlament Ewropew għar-rapport dwar il-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità jinsab sodisfatt ferm li Malta qed tkun proattiva u tieħu dawn it-tip ta’ inċentivi li permezz tagħhom qed inkomplu nippromwovu s-saħħa tas-smigħ bl-aqwa mod possibbli, billi nippromwovu prattika ta’ kura professjonali, inżidu l-edukazzjoni u l-għarfien pubbliku, nappoġġjaw ir-riċerka u niffaċilitaw l-aċċess għal teknoloġiji innovattivi, filwaqt li naqsmu l-aħjar prattiċi bejn l-Istati Membri.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Awdjoloġisti Andrew Sciberras spjega l-importanza ta’ din il-kampnja nazzjonali fejn qal li l-ħidma pro-attiva se tkun qed tħalli riżultati pożittivi fil-futur. “Permezz tat-testijiet tas-smigħ f’lokalitajiet oħrajn u kampanja ta’ għarfien, iktar nies se jkollhom l-opportunità li jieħdu l-passi meħtieġa u immedjati biex jipprevenu t-telf tas-smigħ u milli jkunu esklużi mis-soċjetà minħabba din il-kundizzjoni”, saħaq Sciberras.