Wednesday, December 3, 2025

Malta FA Jubilee Cup: Valletta u Sliema W. favoriti li jikkwalifikaw għall-finali

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Illum jintlagħbu s-semi-finali tal-Malta FA Jubilee Cup fejn Sliema Wanderers u Valletta jibdew favoriti li jikkwalifikaw għall-finali meta jilagħbu kontra Zabbar St Patrick u Tarxien Rainbows rispettivament.

Peró, il-logħba hija imprevidibbli u għaldaqstant kemm iż-Żabbarin kif ukoll it-Tarxiniżi żgur li se jqumu għall-okkażjoni.

Valletta v Tarxien R. – Valletta jinżlu għal dan il-konfront fit-tentattiv li jżommu t-tamiet tagħhom ħajjin biex jirbħu dan l- unur u joħolqu rekord billi jirreġistraw tripletta tat-tazzi tal-anniversarji wara li fl-2000 rebħu s-Centenary Cup u fl-2010 rebħu t-Tazza tal-100 Anniversarju tal-Kampjonat.  Issa qed jim­­miraw li jirbħu t-tazza tal-125 anniversarju mit- twaqqif tal-Malta Football Association.

Barra minn hekk il-Beltin jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli hekk kif nhar il-Ħadd li għadda eliminaw lit-team qawwi ta’ Hamrun Spartans bl-iskor ta’ 2-0, bil-goals jaslu wieħed f’kull taqsima minn Yuri De Jesus Messias (19) u s-sostitut Keyon Ewurum (88).

Valletta daħlu fix-xena ta’ din il-kompetizzjoni, nhar id-19 ta’ Ottubru, meta fl-Aħħar 32 għelbu lit-team taċ-Challenge League, Melita, bl-iskor ta’ 1-0, bl-iskor­er ikun Yannick Yankam.

Imbagħad, fl-Aħħar 16 kisbu rebħa kbira fuq it-team miċ-Challenge Lea­gue, Mgarr United, bl-iskor ta’ 4-0, bil-protagonisti jkunu Yuri De Jesus Messias, Andrea Zammit (pen), Thaylor Aldama u Jefferson De Assis.

Fi tliet partiti, huma skorjaw seba’ goals u ma sofrew l-ebda wieħed.

Min-naħa ta’ Zabbar St Patrick, dawn irreġistraw goleada ta’ tmien goals kontra t-team miċ-Challenge Lea­gue, Zebbug Rangers li fihom kienu nvoluti seba’ players – Marques da Rocha Mayron (2), Haroun Tchaouna, Jake Micallef, Abu Dumbuya, Pedro Cejas, Nicholas Agius u Timothy Eviparker.

Fl-Aħħar 32 għelbu lit-team miċ-Challenge Lea­gue, Pietá Hotspurs, bl-is­kor ta’ 1-0, b’goal ta’ Pedro Cejas … u fl-Aħħar 16 rebħu lil Naxxar Lions 4-2, b’goals minn Haroun Tchaouna, Ryan Scicluna, Mario Fontanella u Pedro Cejas.

 Sliema W. v Tarxien R. – Sliema Wanderers qed jitqiesu bħala sfidanti serji kontra Tarxien Rainbows li fil-Premier League jinsabu fl-aħħar post tal-Bottom Six.

Is-Slimiżi bdew l-impenji kontra t-team miċ-Challenge League, St Andrew’s, u rebħulhom 3-1 bl-għoti tal-penalties wara draw ta’ 1-1, bil-goal jasal minn Mamadu Bah Sulahmana.

Fl-Aħħar 16, huma elimi­naw lil Birkirkara 3-2, bl- iskorers ikunu Bah Sulahmana (2) u Bernardo Murilo.

Nhar is-Sibt li għadda, huma għelbu lil Mosta 2-0 permezz ta’ Fernando Gomes u Miguel Cover.

Fir-round tal-Aħħar 32, Tarxien Rainbows għelbu lit-team Għawdxi, Kercem Ajax, bl-iskor ta’ 1-0, b’goal ta’ Octavio De Barros filwaqt li fl-Aħħar 16, għelbu lil Gzira Uited 7-6 bil-pe­nalties wara draw ta’ 1-1,  bil-goal għalihom jasal minn Alberto Dos Santos.

Nhar il-Ħadd li għadda huma għelbu lil Marsxlokk 5-4 bil-penalties wara draw ta’ mingħajr goals.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport