Friday, December 27, 2024

“Malta fiċ-ċentru għall-edukazzjoni f’dinja li qiegħda kontinwament tevolvi”

Il-Ministru Clifton Grima dwar konferenza mmexxija mill-Filosfu u Riċerkatur Finlandiż Dr Frank Martela

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Pajjiżna għandu jkun ċentru għall-edukazzjoni ġewwa l-Mediterran fuq livell internazzjonali. Għandna viżjoni li l-bniedem ikun fiċ-ċentru tagħha u anke naraw li l-metodi użati u dak kollu li jiġi mfassal ikun imfassal b’tali mod li jifhem kif id-dinja qiegħda tevolvi”.

Iddikjara dan ma’ dan is-sit il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta mistoqsi dwar l-importanza tal-preżenza ta’ persuni distinti bħall-Professur Finlandiż Dr Frank Martela f’pajjiżna.

Il-Ministru qal li l-preżenza tal-Filosfu u Riċerkartur Finlandiż huwa eżempju ċar ta’ kif pajjiżna qiegħed jieħu rwol dejjem aktar ċentrali anke fuq pjattaforma internazzjonali fuq dak li għandu x’jaqsam edukazzjoni ogħla u aktar avvanzata.

Dan kollu huwa allineat ma’ din l-istess viżjoni u għalhekk hemm bżonn li nagħrfu nkunu mhux reattivi iżda navvanzaw b’mod previst u pjanat kif nistgħu nimxu ’l quddiem.

Fakkar kif ftit tal-ġranet ilu l-gvern ħabbar l-istrateġija tal-Life Long Learning fejn kellek tliet pilastri li jħarsu lejn il-mod ta’ kif se tilħaq in-nies, metodi differenti kif jitwassal l-istess tagħlim u anke fejn tidħol il-kwalità bil-mira li nimxu minn kunċett astratt u filosofiku għal xi ħaġa aktar tanġibbli li jista’ jitkejjel.

Mitlub jikkummenta dwar il-bżonn li pajjiżna jibqa’ jinvesti fl-edukaturi, anke jekk mhux biss, permezz ta’ reskilling u upskilling, il-Ministru qal li huwa kruċjali li dawn il-persuni jibqgħu jitħarrġu u għalhekk bl-edukatur bħala protagonist f’dan it-titjib soċjali. Huwa rrimarka dwar il-bżonn li l-gradwati kollha u mhux biss l-edukaturi, ikomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom biex jibqgħu aġġornati skont dak li jkun għaddej fuq livell globali.

“L-edukazzjoni mhijiex eċċezzjoni. Għandna dinja li qiegħda tevolvi fejn dak li kien isir f’10 jew 20 sena, illum qiegħed isir isir fi ftit tax-xhur u għalhekk huwa kruċjali li bħala pajjiż nifhmu dan kollu”, tenna Grima filwaqt li aċċenna għall-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni, wara konsultazzjoni pubblika għandha sservi ta’ pjan ċar ta’ fejn pajjiżna jrid jasal.

Konferenza b’żewġ għanijiet ewlenin

Il-Konferenza kienet Organizzata minn Dr Kenneth Vella, Ambaxxatur ta’ Malta ghall-Estonja u l-Finlandja u Kap tal-iskola Mater Boni Consili St Joseph School Paola bil-kollaborazzjoni ta’ Mediterranean Tourism Foundation, Mindful Education Malta u Lucente Hotel Valletta.

F’kumment lil dan is-sit Dr Vella qal li din il-konferenza kellha żewġ għanijiet ewlenin. Qabel xejn fir-rwol tiegħu bħala Ambaxxatur għal dawn iż-żewġ pajjiżi, Dr Vella qalilna li xtaq li tinħoloq xi ħaġa li tlaqqa’ flimkien esperti li jaqsmu l-ideat dwar is-saħħa mentali tagħna u ta’ wliedna.

Dr Frank Martela huwa rinomat sew fil-Finlandja biex jitkellem u anke jirriċerka dwar dan is-suġġett u mill-Estonja ġiet ukoll id-Direttriċi ta’ Positive Inspiring Lifestyle Errit Kuldkepp li wkoll għamlet ir-riċerka tagħha f’dan il-qasam.

Flimkien mal-edukaturi Maltin u persuni oħra li ġejjin minn diversi oqsma madwar il-pajjiż qegħdin jiddiskutu dan is-suġġett fattwali hekk kif il-gvern għadu kemm ippubblika l-konsultazzjoni dwar l-istrateġija l-ġdida tal-edukazzjoni għall-pajjiżna sal-2030.

Wieħed mill-pilastri ta’ din l-istrateġija se jkun is-saħħa mentali. Min-naħa tiegħu huwa temm jirringrazzja lill-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) s-Sur Andrew Agius Muscat tas-sapport tiegħu.

Dwar Dr Frank Martela …

Dr Frank Martela huwa Filosfu u Riċerkatur fil-Psikoloġija li jispeċjalizza fuq il-mistoqsija tat-tifsira tal-ħajja. L-artikli tiegħu ġew pubblikati fuq il-magazin Scientific American Mind u fuq il-website Salon u x-xogħol tiegħu deher ukoll fuq Quartz u BBC.

Ir-riċerka tiegħu ġiet ippubblikata b’mod estensiv f’bosta ġurnali akkademiċi bħal Journal of Personality, Journal of Positive Psychology, Journal of Happiness Studies, Metaphilosophy, Southern Journal of Philosophy, Motivation & Emotion, u Organisation Studies. Huwa tkellem ma’ aktar minn mitt udjenza madwar id-dinja, fosthom lekċers fl-Università ta’ Stanford u l-Università ta’ Harvard.

Ekonomija

Sport