Monday, November 18, 2024

Malta fil-Kampjonat Mondjali tal-Pool

Aqra wkoll

Malta se tieħu sehem fil-Kampjonati Mondjali tal-Pool li se jsiru ġewwa Agadir fil-Marokk  bejn it-2 u t-12 ta’ Lulju. Il-Malta Pool Association se tibgħat erba’  timijiet jirrapreżentaw lil pajjiżna f’dawn il-kampjonati li se jsiru għall-ewwel darba fil-kontinent Afrikan. It-timijiet Maltin se jieħdu sehem fil-kategoriji tal-irġiel, Under 18’s, Under 23’s u Over 50’s. Bħal kull sena, l-assoċjazzjoni tibgħat l-akbar kontinġent Malti jikkompenti f’kampjonati mondjali  tal-Pool. 

It-tim tal-irġiel se jkun kompost minn Kevin Mercieca, Troy Zammit, Clayton Castaldi, Gary Carr, Ryan Pisani, Joseph Casha, Darren Schembri u Stephen Mangion. It-team taż-żgħażagħ ta’ taħt it-23 sena jinkludi lil Elcid Aquilina, Miguel Amato, Matthias Debono u Rudger Xerri. It-tim taz-żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena, champions Ewropej renjanti, ser ikun kompost minn Steve Muscat, Nick Muscat, Jake Castaldi, Chaylon Castaldi u Nordai Desira. It-tim nazzjonali Malti tal-Over 50’s A huma magħmul mill-players Brian Grech, Manuel Mallia, Marco Bonello, Stephen Scicluna, Antione Aquilina u Alfred Attard.  

Carmel Cilia ser ikun il-manager tat-tim tal-irġiel, Vince Saliba ser imexxi t-tim tal-Under 18’s, Noel Cassar dak tal-Under 23’s filwaqt li Pasquale Sciberras ser ikollu t-tmun tat-tim  tal-Over 50’s. 

Barra l-kampjonati tat-timijiet kull player ser ikun impenjat fil-kampjonati individwali mondjali,   kompetizzjoni doubles kif ukoll f’tournament prestiġjuż imsejjaħ World Masters Tournament. 

Vincent Degiorgio, segretarju generali tal-Malta Pool Association kif ukoll teżorier tal-federazzjonijiet Ewropej u Mondjali, ser ikun l-uffiċjal inkarigat mill-kontinġent Malti. 

Ekonomija

Sport