Il-Gvern illum talab l-appoġġ tal-Kamra tar-Rappreżentanti, biex pajjiżna jirratifika tliet konvenzjonijiet internazzjonali u protokolli marbuta mal-ħarsien tal-wirt storiku f’kuntest dinji.
Fil-Parlament, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici qal li r-ratifika ta’ dawn il-konvenzjonijiet u l-protokolli relatati se jipprovdu lil Malta b’sett komprensiv u ħolisitiku, ta’ prinċipji globali trasversali li jindirizzaw reati kontra l-propjetà tal-wirt kulturali fi sfond internazzjonali.
Dan billi jarmonizzaw is-sistema regolatorja nazzjonali ma’ dik tal-pajjiżi msieħba.
Il-Ministru Bonnici sostna li r-reati kontra l-proprjetà kulturali dejjem qed jevolvu internazzjonalment u li ħafna mid-drabi tkun immexxija minn gruppi ta’ kriminalità organizzata mingħajr rispett ta’ fruntieri, il-leġiżlazzjoni, l-etika jew l-wirt kulturali u l-komunitajiet li jagħmlu lill-pajjiż vulnerabbli għal reati.
Huwa kompla billi nnota kif għalkemm Malta hija waħda mill-iżgħar stati membri tan-Nazzjonijiet Uniti, din ġiet eletta fil-Kunsill tas-Sigurtà mill-Assemblea Ġenerali fis-sajf li għadda għas-sentejn li ġejjin 2023-2024.
Żied jgħid li l-aħħar Malta ġiet fdata biex tassumi r-rwol ta’ presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fi Frar 2024. Malta ġiet ukoll fdata li tmexxi l-OSCE, l-ikbar organizzazzjoni dwar is-sigurtà fl-Ewropa, f’dawn iż-żminijiet diffiċli.
Fl-isfond ta’ dawn l-avvenimenti u l-ħidma mill-Gvern Malti għall-paċi fid-dinja, il-Gvern qed jgħid li Malta għandha tibda l-proċess għar-ratifika ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li jippromwovu azzjonijiet li jissalvagwardjaw il-wirt kulturali tal-pajjiż innifsu f’kuntest internazzjonali.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bonnici semma wħud mill-konvenzjonijiet, inkluż konvenzjoni għall-ħarsien tal-propjetà kulturali f’każ ta’ konflitt armat, konvenzjoni dwar il-mezzi ta’ projbizzjoni u prevenzjoni tal-importazzjoni u esportazzjoni illeċita ta’ proprjetà kulturali u l-konvenzjoni li tirrigwarda r-ritorn ta’ proprjetà kulturali misruqa jew esportata illegalment ukoll fi sfond internazzjonali imma mil-lat tal-liġi internazzjonali privata.
Qal ukoll; “L-implimentazzjoni kontinwa ta’ dawn l-obbligi tqajjem il-ħtieġa li l-gvern jipprovdi riżorsi lill-entitajiet statali li huma repossibbli mir-regolamentazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali u dawk responsabbli għall-ġestjoni u l-operat ta’ siti u kollezzjonijiet ta’ wirt kulturali fil-Gżejjer Maltin”.
Dan billi jkabbru r-riżorsi umani, jipprovdu taħriġ u jtejbu l-IT fost oħrajn. Tenna li , hekk kif dejjem sar sena wara l-oħra, il-Gvern kellu l-fiduċja kollha mill-poplu, kif jixhed ċar iż-żieda tal-investiment fil-wirt kulturali tal-Gżejjer Maltin.
Bir-ratifika li se. ssir tal-istrumenti imsemmija fil-mozzjoni li qed tiġi diskussa, mill-10 Konvenzjonijiet u Protokolli kollha tal-UNESCO, fl-aħħar ħdax-il sena minn mindu l-Gvern ġie fdat bit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż, Malta aċċettat jew irratifikat 7 strumenti internazzjonali. Strument ieħor kien ġie ratifikat lura fl-1978.
Hawnhekk il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali qal li dan huwa rekord pożittiv ħafna għal Gvernijiet Laburisti ta’ Malta matul is-snin fl-isforzi tagħhom fl-affarijiet internazzjonali u l-wirt kulturali.