Kontinġent Malti ta’ plejers amateur tas-snooker illum telaq għal Dunkerque, fi Franza, biex jieħu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-International Challenge Cup. Din ser tkun it-tielet sena konsekuttiva li Malta ser tieħu sehem f’din il-kompetizzjoni fejn fis-sentejn preċedenti konna ġejna klassifikati fit-tielet post fl-2024 u fit-tieni post is-sena l-oħra.
Flimkien ma’ Malta f’dan it-tournament ser jieħdu sehem Franza, l-Iskozja, ir-Repubblika Irlandiża u l-Irlanda ta’ Fuq. Malta kienet ospitat l-edizzjoni tas-sena l-oħra u din is-sena ser tkun it-tlettax-il edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni internazzjonali fejn l-ewwel edizzjoni kienet saret Franza wkoll, f’Ronchin, viċin il-belt ta’ Lille.
Il-pajjiż rebbieħ ikun dak li jirbaħ l-akbar numru ta’ frames matul it-tliet t’ijiem ta’ kompetizzjoni. Ir-Repubblika Irlandiża ħarġu rebbieħa fi tmien edizzjonijiet, fosthom anke s-sena l-oħra f’Malta. L-edizzjonijiet l-oħra ġew mirbuħa tliet darbiet mill-Irlanda ta’ Fuq u darba l-Iskozja li kienu rebħu f’darhom stess fl-2023. Din kienet l-edizzjoni fejn Malta ħadet sehem għall-ewwel darba f’Edinburgh.
It-tim Malti huwa kompost minn disa’ plejers. Chris Peplow, Joseph Casha, Isaac Borg, u John Farrugia li ser jilgħabu fil-kategorija tal-irġiel filwaqt li Arthur Cachia, Philip Ciantar, Frans Mintoff u Tony Mifsud jieħdu sehem fid-diviżjoni tal-Masters. Xavier Rizzo huwa r-rappreżentant Malti li se jilgħab fil-kategorija tal-Juniors.
L-ewwel impenji għall-plejers Maltin jibdew għada wara nofsinhar u l-ewwel konfront ser ikun kontra Franza, it-tim li qed jospita din l-edizzjoni. Il-Ġimgħa, Malta tilgħab kontra l-Iskozja filwaqt li fl-aħħar jum, is-Sibt, Malta trid tilgħab darbtejn. Filgħodu kontra l-Irlanda ta’ Fuq u wara nofsinhar, fl-aħħar logħba tat-tournament, kontra r-Repubblika Irlandiża li bħal dejjem ikollhom kontinġent b’saħħtu fosthom ħames plejers li kienu fit-tim rebbieħ tas-sena l-oħra f’Malta.
Il-Segretarju Ġenerali tal-Malta Billiards & Snooker Association, Lothar Mallia qed imexxi d-delegazzjoni Maltija. Mal-kontinġent hemm ukoll Ivan Attard li barra li huwa l-captain tat-tim ser ikun wieħed mir-referees ta’ din l-edizzjoni.