Wednesday, August 13, 2025

Malta fost 27 pajjiż b’appell biex l-għajnuna umanitarja tidħol f’Gaża bla xkiel

Aqra wkoll

Malta ngħaqdet ma’ 27 pajjiż f’sejħa konġunta għal azzjoni urġenti biex tiġi indirizzata t-tbatija umanitarja “bla preċedent” f’Gaża, fejn in-nies qegħdin imutu bil-ġuħ.

L-istqarrija, iffirmata mill-ministri tal-affarijiet barranin ta’ pajjiżi fosthom l-Awstralja, Franza, l-Italja, il-Ġappun, il-Ġermanja, l-Ingilterra u Malta, flimkien mar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u Kummissarji Ewropej, wissiet li l-ispazju umanitarju għandu jinżamm protett u l-għajnuna “qatt m’għandha tiġi politiċizzata.”

Is-sejħa saret fid-dawl ta’ rekwiżiti ġodda ta’ reġistrazzjoni imposti mill-Istat ta’ Iżrael li jistgħu jġiegħlu numru ta’ għaqdiet internazzjonali tal-għajnuna jħallu l-Palestinjani b’riskju li l-kriżi tmur mill-ħażin għall-agħar.

L-istqarrija titlob lill-gvern Iżraeljan jawtorizza l-vjaġġi kollha tal-għajnuna minn NGOs internazzjonali u jneħħi l-ostakli għall-operat ta’ atturi umanitarji essenzjali. Intalbu wkoll miżuri immedjati, permanenti u konkreti biex ikun hemm aċċess sigur u fuq skala kbira għan-Nazzjonijiet Magħquda, NGOs internazzjonali u sħab umanitarju.

Il-pajjiżi firmatarji saħqu wkoll fuq l-importanza li jintużaw il-punti u r-rotot kollha biex kull xorta ta’ għajnuna titħalla tidħol f’Gaża, inkluż ikel, fjuwil, ilma nadif, mediċini u tagħmir mediku. Huma appellaw ukoll biex tiġi evitata kull xorta ta’ forza qerrieda fil-postijiet ta’ distribuzzjoni u li jitħarsu ċ-ċivili, il-ħaddiema umanitarji u dawk li qed jagħtu l-għajnuna medika.

Fl-istess waqt, l-istqarrija esprimiet ringrazzjament lejn l-Istati Uniti, il-Qatar u l-Eġittu għall-isforzi tagħhom favur waqfien mill-ġlied u l-paċi.

Il-Prim Ministru Robert Abela, f’messaġġ fuq il-midja soċjali, tenna l-impenn ta’ Malta f’din l-inizjattiva internazzjonali u qal: “Malta hi fost numru ta’ pajjiżi li l-gvernijiet tagħhom qed jappellaw biex f’Gaża titħalla tidħol l-għajnuna umanitarja tant meħtieġa u din tasal mingħajr xkiel. Quddiem sitwazzjoni prekarja fejn qed imutu n-nies bil-ġuħ u bil-għatx, la qatt konna u wisq iżjed nistgħu nibqgħu siekta,” temm jgħid il-Prim Ministru Abela.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport