Forsi issa drajna fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil issussidjati u għal żmien twil ma ċċaqilqux. Forsi issa drajna ukoll bil-prezzijiet tal-enerġija stabbli, mhux jogħlew kull ftit ġimgħat kif kien jiġri daqs 15-il sena ilu. Tajjeb iżda, li wieħed iżomm f’moħħu li biex qiegħed isir dan u biex il-prezzijiet jinżammu stabbli, il-Gvern qiegħed jerfa’ biċċa sew mill-piż huwa u dan jagħmlu permezz ta’ sussidji.
Jekk nieħdu x-xahar ta’ Settembru u ma dan nagħtu ħarsa lejn x’qiegħed jiġri fl-Ewropa fejn hemm argumenti sħaħ li fihom qegħdin jitkellmu fuq żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwil, naraw li pajjiżna kellu fost l-irħas prezzijiet ta’ petrol u ta’ dijżil fost 45 pajjiżi Ewropej.
Jekk nieħdu l-prezz tal-petrol li f’pajjiżna jġib il-prezz ta’ €1.34 kull litru, naraw li dan huwa fost l-irħas li hawn u huma biss sitt pajjiżi Ewropej oħra li għandhom prezz irħas minn tagħna. Dawn huma l-Armenja b’Armenja b’€1.31 kull litru, l-Ażerbajgan b’€1.10, kull litru, il-Belarus b’€0.68 kull litru, il-Georgia b’€1.10 kull litru, ir-Russja b’€0.53 kull litru u t-Turkija b’€1.28 kull litru.
Jekk imbagħad nagħtu ħarsa lejn il-prezz tad-dijżil naraw li f’Malta kull litru dijżil jiswa €1.21. F’dan il-każ, hemm erba’ pajjiżi Ewropej biss li għandhom prezz irħas minn tagħna. Dawn huma l-Ażerbajgan b’€0.44 kull litru, l-Belarus b’€0.68 kull litru, il-Georgia b’€1.11 kull litru u r-Russja b’€0.60 kull litru.