Monday, January 12, 2026

Malta fuq quddiem fl-Ewropa b’rekord storiku ta’ ottimiżmu ekonomiku

Aqra wkoll

Stħarriġ li ppubblikat il-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru jikkonferma li pajjiżna jinsab fuq quddiem nett fl-Unjoni Ewropea fejn jidħol sentiment ekonomiku pożittiv. Fil-fatt, l-indiċi tas-sentiment ekonomiku tela’ għal 120.6 punt. Dan huwa l-ogħla livell irreġistrat għal pajjiżna minn mindu beda jsir dan l-eżerċizzju statistiku aktar minn 25 sena ilu.

Dan ir-riżultat jifforma qabża ta’ kważi 21% ’l fuq mill-medja storika u jħalli warajh ir-rekord preċedenti ta’ Diċembru 2017, meta l-indiċi kien laħaq 119.4. L-esperti Ewropej jindikaw li ż-żieda fl-ottimiżmu kienet mifruxa fuq diversi setturi ewlenin tal-ekonomija.

L-aktar qasam li wera fiduċja qawwija kien dak tas-servizzi, fejn kważi 57% tan-negozji rrappurtaw attività b’saħħitha, filwaqt li aktar minn nofs l-operaturi qegħdin jistennew li s-sitwazzjoni tkompli titjieb fix-xhur li ġejjin. Segwa s-settur tal-kostruzzjoni, li laħaq livell rekord ta’ ottimiżmu, b’erbgħa minn kull għaxar kumpaniji jbassru domanda akbar.

Anke fil-bejgħ bl-imnut ġie nnotat titjib sostanzjali bl-aqwa riżultat fl-aħħar sentejn u parti sinifikanti mill-operaturi qegħdin jippjanaw li jespandu l-attività tagħhom u jżidu l-impjiegi. Fl-industrija, żieda fil-produzzjoni wasslet għal sentiment aktar pożittiv b’aktar minn terz jaraw prospetti aħjar.

Pożittività tidher ukoll fost il-familji Maltin, li rrapportaw titjib fil-finanzi tagħhom, aspettattivi ta’ qgħad aktar baxx u pressjonijiet inflazzjonarji inqas. B’kuntrast qawwi, ħafna pajjiżi Ewropej qegħdin jiffaċċjaw klima ekonomika ferm aktar negattiva minn dik ta’ Malta.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport