Wednesday, July 2, 2025

Malta għandha rispett kbir  fil-PACE

Aqra wkoll

Waqt laqgħa li l-Prim Ministru Robert Abela kellu fl-aħħar jiem fi Strasburgu, fost l-oħrajn mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Alain Berset, kif ukoll mal-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE), Theodoros Roussopoulos, spikka “messaġġ wieħed komuni ir-rispett li ngawdu f’din l-Istituzzjoni tant importanti u l-bżulija u l-impenn li għandu pajjiżna biex iressaq temi importanti għad-diskussjoni.”

Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qiegħed jagħmel stqarrija Ministerjali fil-Parlament b’rabta mal-aħħar żjarat li kellu barra l-pajjiż. Tenna li saret diskussjoni wkoll dwar is-sitwazzjoni ġeopolitika kumplessa fl-Ewopra u fil-viċinat, fejn hawn il-Prim Ministru kompla jisħaq fuq il-bżonn li ma nneħħux l-attenzjoni minn fuq il-kriżijiet umanitarji li għaddejjin madwarna.

Waqt l-istess żjara Dr Abela qal li kellu laqgħa mal-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Mattias Guyomar fejn kelu l-opportunita li jiddiskutu miegħu l-operat ta-Qorti u l-importanza mogħtija mill-Qorti fil-kuntest tal-iżviluppi u l-isfidi domestiċi li qed jiffaċċjaw għadd ta’ pajjiżi Ewropej.

Fil-Parlament, il-Prim Ministru qal li “Il-qofol ta’ din iż-żjara kien fil-jum tal-Erbgħa, fejn kelli l-opportunita’ li nindirizza l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill. Fl-intervent tiegħi tkellimt fost oħrajn fuq l-irwol kruċjali tal-multilateraliżmu, speċjalment fiż-żminijiet iebsa li qed ngħixu fihom u l-importanza tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li rridu naħdmu biex nissalvagwardjaw u nsostnu r-relevanza tagħha ħalli tkompli tkun ta’ gwida soda kif kienet matul dawn l-aħħar 75 sena. Irrikonoxxejt ukoll l-importanza tal-Kunsill tal-Ewropa u l-korpi fi ħdanu li kienu wkoll ta’ spalla għal pajjiżna fir-riformi storiċi Istituzzjonali u Kostituzzjonali li mexxejna ‘l quddiem bħala Gvern matul dawn l-aħħar ħames snin.”

Il-Prim Ministru qal li fit-tieni parti taż-żjara tiegħu barra l-pajjiż mar lejn Brussell fejn flimkien ma’ numru ta’ mexxejja oħra minn madwar id-dinja, ipparteċipa f’summit organizzat minn GAVI, l-Alleanza tal-Vaċċini. Hawn spikka x-xogħol imprezzabbli li qed twettaq din l-alleanza biex twassal il-vaċċini lil miljuni ta’ tfal madwar id-dinja, ħidma li qed issalva ħafna ħajjiet. 

Tenna li filwaqt li fil-pandemija pajjiżna kien ikkontribwixxa b’għotjiet tal-vaċċin, f’dan is-Summit ħabbar li għall-ewwel darba, pajjiżna ser ikun qed jikkontribwixxi finanzjarjament għall-mira ewlenija ta’ din l-alleanza li tlaqqam 500 miljun tifel u tifla sas-sena 2030. 

“Waqt is-summit, wieħed mill-mexxejja Ewropej għadda kumment li laqatni ħafna … ikkummenta li la għandna l-flus x’nonfqu fuq l-armi, għandna nsibu wkoll il-flus għal dan il-għan. Dan ċertament huwa investiment importanti li ser jgħin biex innaqqsu l-imwiet tat-tfal, nipprevenu l-pandemiji u nsaħħu s-sistemi tas-saħħa globali, u allura jimmerita li nagħmlu l-parti tagħna għal din il-kawża ġusta,” kompla jgħid il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament.

Irrefera wkoll għal-Kunsill Ewropew, fejn saru diskussjonijiet strateġiċi fuq l-aktar punti importanti tal-aġenda tal-Unjoni Ewropea. 

Il-Prim Ministru qal li kellu b’laqgħa informali tal-grupp li qed iħares lejn soluzzjonijiet innovattivi għall-isfida tal-immigrazzjoni, grupp li kull ma jmur qiegħed ikompli jikber fid-daqs u fl-importanza, bis-sehem ukoll tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. Matul din il-laqgħa ġew diskussi fost oħrajn l-aħħar żviluppi fuq il-proposti leġiżlattivi li ressqet ‘il quddiem il-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari dawk marbuta mad-Direttivi li jirregolaw r-ritorn ta’ dawk li ma jistħoqqilhomx l-ażil, il-proposta li ser toħloq lista komuni ta’ pajjiżi ta’ oriġini meqjusa siguri, u l-proposta li ser tirrevedi l-kunċett tas-safe third country

Waqt din il-laqgħa l-Prim Ministru aġġorna lill-Grupp bid-diskussjonijiet li kellu fi Strasburgu, inkluż fuq il-ħtieġa li nindirizzaw l-isfidi emerġenti relatati mal-immigrazzjoni rregolari, dan anke fid-dawl tal-ittra/opinjoni li ġiet ippubblikata minn grupp ta’ disgħa pajjiżi f’Mejju li għadda. Tkellem primarjament fuq id-diskussjoni kordjali li kellu mas-Segretarju Ġenerali Alan Berset, ‘fejn filwaqt li qbilna li għandna nibqgħu nassiguraw il-ħarsien sħiħ tad-drittijiet ta’ kull bniedem u l-indipendenza sħiħa tal-Qorti Ewropea, qbilna wkoll li rridu nkunu responsabbli u ntellqu diskussjoni sana dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw numru kbir ta’ pajjiżi Ewropej sabiex niskopru x’jista’ jkun imtejjeb biex nassiguraw ukoll li issir ġustizzja u tkun imħarsa s-sigurta’ tas-soċjetajiet tagħna,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

Dr Abela qal li fil-Kunsill Ewropew saret diskussjoni dwar il-Lvant Nofsni fejn dakinhar kien hemm tensjonijet bejn Iżrael u l-Iran. “Huwa ċar aktar minn qatt qabel li l-instabbiltà fil-viċinat tan-Nofsinhar tagħna tibqa’ tippreżenta aktar volatilita’ u theddida mhux biss għar-reġjun, iżda wkoll għas-sigurtà Ewropea u internazzjonali. Id-diplomazija u d-djalogu qatt ma kienu aktar relevanti mil-lum, f’sitwazzjoni fejn issib kunflitt attiv f’kull direzzjoni li tħares madwarek,” kompla jgħid Dr Abela.

Tenna li waqt l-istess Kunsill saret diskussjoni dwar il-prioritajiet ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea u l-kuntest internazzjonali, mhux l-anqas fid-dawl tad-diskussjonijiet intensivi li għaddejjin mal-Istati Uniti, u l-irwol li għandhom iċ-Ċina u ekonomiji emerġenti prominenti.

Fil-Parlament il-Prim Ministru qal li fi Burssell kienet “opportunita’ biex nieħdu kont tal-iżviluppi marbuta mas-sigurta’ u d-difiża tal-Unjoni Ewropea, fejn il-President von der Leyen anke spjegat il-progress fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi mħabbra aktar kmieni din is-sena maħsuba biex iżidu n-nefqa globali fuq id-difiża, dan anke fid-dawl tal-konklużjonijiet tas-Summit tan-NATO li ġie fi tmiemu ġurnata qabel il-Kunsill Ewropew. Bħalma għamilt dejjem, f’din id-diskussjoni assigurajt li l-konklużjonijiet jirrispettaw in-Newtralita’ Kostituzzjonali tagħna.”

Il-Prim Ministru qal li ġiet trattata wkoll il-kwistjoni tal-immigrazzjoni “ fejn ħadna kont tal-iżviluppi pożittivi bl-inizzjattivi preżentati mill-Kummissjoni Ewropea, u sħaqna fuq l-urġenza li jkunu aċċellerati d-diskussjonijiet fuq dawn il-liġijiet,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport