Tuesday, February 17, 2026

“Malta għandha tiffoka li tiġbed lejha aktar turisti li jgħollu n-nefqa medja reali”

- Silvan Mifsud - Konsulent Finanzjarju u Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ

Aqra wkoll

“Ovvjament il-fatt li lħaqna l-4 miljun turist li ġew Malta fl-2025 kienet l-istatistika li ġibdet l-iktar attenzjoni. Però hemm ukoll statistika oħra li fl-opinjoni tiegħi hija importanti ukoll, jekk mhux aktar importanti.” 

Qal dan Silvan Mifsud, Konsulent Finanzjarju u Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ, li spjega li fl-analiżi li għamel dwar it-turiżmu huwa kkumpara l-2019 (l-aħħar sena qabel il-pandemija) mal-istatistika tal-2025, u li minnha joħorġu diversi punti.

Ammont ta’ turisti kull xahar

Meta wieħed iqabbel l-ammont ta’ turisti kull xahar, għall-2019 u għall-2025, joħroġ ċar li l-aktar xhur li kellna fihom żieda fin-numru tat-turisti kienu f’dawk ’l hekk msejħa “shoulder months” u mhux fix-xhur tas-sajf. Wieħed biżżejjed jinnota li filwaqt li Awwissu baqa’ l-aktar xahar li jiġu fih turisti kemm fl-2019 u fl-2025, it-tieni l-aktar xahar mexa minn Lulju fl-2019 għal Ottubru fl-2025.

Bidliet mill-pajjiżi li minnhom ġejjin it-turisti 

Meta wieħed iqabbel l-2019 mal-2025, jara bidliet fl-ewwel ħames pajjiżi li minnhom ġejjin it-turisti. Fl-2019 dawn kien l-Ingilterra, l-Italja, il-Ġermanja, Franza u Spanja. Fl-2025, il-Polonja qabżet ’il fuq u dahlet mal-ewwel ħames pajjiżi minflok Spanja. 

Nefqa medja reali 

Għall-ewwel darba wara l-pandemija, in-nefqa reali fl-2025 kienet ftit għola mil-livell tal-2019. In-nefqa medja reali għal kull turist fl-2019 kienet ta’ €801 u din telgħet bi ftit għal €809 fl-2025. Ovvjament billi ż-żieda fin-nefqa reali bejn l-2019 u l-2025 kienet waħda minima, iż-żieda fid-dħul mit-turiżmu huwa ġej maġġorment miż-żieda fit-turisti. Meta wieħed janalizza n-nefqa medja reali xahar b’xahar fl-2019 u fl-2025, joħroġ ċar li x-xhur li wrew żieda f’din in-nefqa reali kienu Settembru, Ottubru u Novembru. Ir-raġunijiet wara dan huma varji. L-ewwelnett dawn huma ix-xhur li fihom l-aktar jigu turisti hekk imsejħa tal-konferenzi u anke ukoll li filwaqt fix-xhur tas-sajf ikollna terz tat-turisti jkun taħt l-24 sena, fix-xhur ta’ Settembru sa Novembru 17% biss tat-turisti jkunu taħt l-24 sena u 70% tat-turisti jkunu bejn 25 u 64 sena, li huma aktarx nies li jkunu fl-età fejn ikunu jistgħu jonfqu aktar.

Tul medju 

Meta jigi mqabbel l-2019 mal-2025 joħroġ car li it-tul medju ta’ kemm turist qed idum Malta qed jonqos. Bħala medja fl-2025 turist kien idum 7.02 ġranet waqt li fl-2019 din il-medja niżlet għal 6.32 ġranet. Dan it-tnaqqis igib sfidi miegħu għax dan ifisser li l-pajjiż ikun irid iġib aktar turisti biex jimla s-sodod tal-lukandi biex jagħmel tajjeb għat-tnaqqis mit-tul medju ta’ kemm turist idum Malta. Dan ovvjament iġib miegħu iktar stress fuq l-infrastruttura tal-pajjiż.

Viżjoni Malta 2050

Id-dokument għall-konsultazzjoni pubblikat fl-2025, għal Malta Vision 2050, juri l-għan li Malta tirċievi 4.5 miljun turisti sal-2035. Jidher ċar li dan aktarx jintlaħaq din is-sena fl-2026. Mhuwiex ċar dan x’se jkun ifisser, jekk hux x’se ngħidu li wara din is-sena ma rridux nibqgħu naraw żidiet fl-ammont ta’ turisti aktar minn 4.5 miljun f’sena. 

Però aktar importanti minn hekk, il-Malta Vision 2050, tpoġġi bħala għan li n-nefqa medja għal kull lejl għal kull turist sal-2035 tkun bejn €220 u €230. Fl-2025 in-nefqa medja għal kull lejl għal kull turist kienet ta’ €153. 

Dan ifisser li Malta tkun trid tagħmel qabża kbira ta’ 43% sal-2035. Biex dan iseħħ nemmen li Malta trid tinvesti u tiffoka biex toffri esperjenzi ta’ kwalità sabiex niġbdu lejna dejjem aktar turisti li jgħollu n-nefqa medja reali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport