Il-bidla miż-żejt għall-gass naqqset l-emmissjonijiet b’90%
“Is-suġġeriment tiegħi għal Malta huwa li jkun hawn sorsi differenti ta’ enerġija. Dan il-pajjiż ma jistax jiddependi fuq interconnector wieħed. Nissuġġerixxi biex il-Gvern jistudja liema huma s-sorsi possibbli ta’ enerġija li jista’ jkollha Malta. Bħala ElectroGas għandna l-ħiliet meħtieġa biex nasssistu għal dak li hemm bżonn li jitwettaq. L-għan tagħna huwa li nipproduċu l-elettriku fl-impjant tal-LNG. Iżda, aħna miftuħa wkoll għal kwalunkwe żvilupp potenzjali fis-settur. Għandna l-kapaċitajiet u l-ħiliet meħtieġa li jistgħu jappoġġjaw kwalunkwe sforz li jeħtieġ li jsir. Taħlita ta’ enerġija hija l-aħjar soluzzjoni li jista’ jkollu pajjiż”.
Sostna dan il-Kap Eżekuttiv ta’ ElectroGas, Jorge Perez, professjonist Spanjol li għażel li jiġi Malta biex juża l-esperjenza vasta tiegħu li kiseb f’kumpaniji kbar fil-Lvant Nofsani fis-settur tal-enerġija. Il-viżjoni ta’ Perez tal-forniment tal-elettriku f’Malta għad-domanda tal-lum u tal-futur hija dik li pajjiżna ma jibqax jiddependi biss minn sors wieħed ta’ enerġija biex jipproduċi l-elettriku. Żied li, “forsi, l-unika problema ta’ Malta hija n-nuqqas ta’ art, speċjalment għall-PVS. Fuq kollox, iżda, huwa importanti li kwalunkwe sors li jista’ jkun disponibbli, ikun wieħed finanzjarjament vijabbli. Pajjiżi oħra għandhom problema bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għax għażlu sorsi li mhumiex cost effective”.
“Qed nibdlu l-mod kif nipproduċu l-elettriku fil-pajjiż”
Il-kumpanija ElectroGas twaqqfet fl-2016 u bdiet bl-operat tagħha fl-2017. Minn dakinhar ‘il hawn ikkontribwiet għall-istabbilità tal-grid nazzjonali. Skont l-aħħar ċifri li din il-kumpanija għandha, tikkontribwixxi aktar min-nofs (60%) tal-produzzjoni tal-elettriku ġġenerat fil-pajjiż.

Perez, li ilu Kap Eżekuttiv tal-ElectroGas mis-sena l-oħra, fir-rigward qal li, “qegħdin nagħmlu xogħol tajjeb ħafna għax mhux biss qegħdin nagħtu stabbilità lill-grid, iżda qegħdin nibdlu wkoll il-mod kif nipproduċu l-elettriku fil-pajjiż. Dan għax fil-passat kien hemm impjant tal-Heavy Fuel Oil li kien qiegħed iniġġeż ħafna u bl-impjant tal-LNG naqqasna l-emissjonijiet b’madwar 90%. Mhux biss qegħdin nikkontribwixxu għat-taħlita tal-enerġija tal-pajjiż iżda, qegħdin ukoll nippreservaw is-saħħa tal-poplu Malti, speċjalment dawk li jgħixu fl-inħawi tal-madwar”.
Il-forniment u l-Gwerra fl-Ukrajna
Il-gass li tuża l-kumpanija ElectroGas jiġi impurtat minn fornituri differenti speċjalment peress li jiksbu l-gass permezz ta’ bastimenti. Perez f’din l-intervista spjega kif kollox jiddependi mis-suq. Fil-fatt, proprju fuq il-volatilità u l-insabbilità preżenti tas-suq minħabba l-Gwerra fl-Ukrajna, staqsejnih jekk din affettwatx il-provvista tal-gass. Hawn mill-ewwel qalilna li, “Dan l-aħħar ipparteċipajna f’GasTech, konferenza li saret f’Milan u li tiġbor flimkien fornituri tal-LNG, klijenti u ditti tat-teknoloġija minn madwar id-dinja. Kellna diskussjonijiet ma’ fornituri differenti tal-LNG biex niżguraw li fil-futur jkollna l-aħjar ftehim possibbli, speċjalment fir-rigward tal-kunsinna tal-gass”.
B’din it-tmexxija ġdida u strateġika, l-impjant tal-LNG illum il-ġurnata qiegħed jipprovdi stabbilità lis-settur tal-enerġija lokali. Il-Kap Eżekuttiv ta’ ElectroGas elabora kif bħala kumpanija qegħdin jużaw “waħda mill-aktar teknoloġiji effettivi u effiċjenti. Ħafna mill-ħin qegħdin nużaw teknoloġija msejħa combined cycle u qegħdin nagħmlu l-almu tagħna biex nilħqu livell għoli ta’ effiċjenza fil-proċessi tagħna”.
Il-provvista stabbli u l-prezz… “Kellna sajf li fih il-qtugħ tad-dawl kien minimu ħafna”
Wieħed mill-aktar suġġetti diskussi fil-komodità tal-elettriku hija proprja dik tal-provvista. Il-provvista kontinwa u stabbli li tant drajna biha. Lil Perez staqsejnih x’inhu r-rwol tal-ElectroGas meta jkun hemm qtugħ fil-provvista. “Irridu nagħmlu differenza meta nirreferu għal qtugħ tad-dawl u provvista. Pereżempju, hemm sitwazzjonijiet fejn sub station f’żona partikolari jkollha problema teknika. Bħala ElectroGas m’għandniex kontroll fuq dan. Din hija responsabbiltà ta’ entità oħra. Dan is-sajf il-qtugħ tad-dawl kien minimu ħafna u dan juri l-isforz li qiegħda tagħmel din l-istess entità. Fil-biċċa l-kbira tas-sitwazzjonijiet ElectroGas m’għandha l-ebda parti attiva meta jkun hemm qtugħ tad-dawl madwar il-gżira,” spjega Perez.
Suġġett ieħor, din id-darba dak li jmiss il-bwiet ta’ kulħadd, huwa dak tal-kontijiet tad-dawl. Għaldaqstant, ma setax jonqos li nieħdu l-opinjoni tiegħu. Bi tbissima Perez ammetta li “dan huwa suġġett komuni u frekwenti madwar id-dinja kollha. Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma dejjem kienu ta’ tħassib kbir għal ħafna nies. L-aktar ħaġa importanti hija li jkun hemm taħlita ta’ enerġija fil-pajjiż fejn tkun qed tgħaqqad sorsi differenti ta’ produzzjoni tal-elettriku li jipprovdu stabbiltà u jilħqu wkoll id-domanda. Dan se jaffettwa l-prezz tal-enerġija b’mod pożittiv għax ma tkunx qiegħed tiddependi fuq sors wieħed ta’ enerġija”.
Għal standards għoljin … “Essenzjali f’din l-industrija”
Perez min-naħa tiegħu spjega li ħidmietu tikkonċentra biex iġib l-istandards industrijali li jistgħu jiġu applikati f’Malta. “Meta nitkellmu dwar il-ġenerazzjoni tal-enerġija, nistgħu nħarsu lura lejn madwar 150 sena ilu. Qabel ma kien hemm l-ebda impjanti tal-enerġija u standards għoljin huma essenzjali f’din l-industrija. Biex inkun onest, qabel ħadt it-tmexxija tal-kumpanija, din kienet qiegħda taħdem tajjeb. Għaldaqstant, l-enfasi tiegħi huwa fuq żewġ oqsma ewlenin: li nipprovdi stabbilità, u li ntejjbu l-istandards industrijali”.
Li għażel proprju lil pajjiżna biex ikompli l-karriera tiegħu, Perez stqarr li għalih Malta għandha xi ħaġa unika u minn dejjem “kont interessat f’dan il-pajjiż. Meta kont żagħżugħ kont involut bħala volontier mal-Ordni ta’ Malta. Malta hija pajjiż tassew sabiħ li joffri ħafna possibbiltajiet b’kultura simili għal dik ta’ pajjiżi. In-nies huma ta’ għajnuna”.
Ta’ sikwit ElectroGas saret referenza għaliha f’kontroversji li ġew ippubblikati fix-xhur li għaddew. Perez, min-naħa tiegħu, insista li, “nifhem li ċerta perċezzjonijiet mill-passat għadhom viżibbli, iżda nistqarr bla tlaqliq li kemm ilni fit-tmun tal-Kumpanija, l-operat kien wieħed ibbażat fuq il-professjonaliżmu, it-trasparenza, u l-integrita’. Għadni ma ltqajtx ma’ xi għemil ħażin fil-kumpanija. Kieku dak kien il-każ, jien ma kontx nibqa’ hawn”.
Meta jinqata’ l-elettriku jmutu n-nies
Għal Perez issa l-importanti huwa li bħala kumpanija attiva juru lill-poplu Malti l-isforzi kollha li qegħdin jagħmlu l-impjegati tagħhom biex jikkontribwixxu għall-istabbilità tal-grid nazzjonali. Aċċenna għall-fatt li, “l-elettriku ma jfissirx biss għal meta tagħfas is-swiċċ biex tixgħel id-dawl. L-elettriku huwa komponent kritiku għas-soċjetà Maltija. Bħala eżempju, l-isptar ikun qiegħed jiffunzjona bis-sħiħ. Għal ħafna, li jkollhom l-elettriku hija n-normalità u minħabba f’hekk l-apprezzament huwa nieqes. M’aħniex konxji li meta l-elettriku jkun qed jonqos, ċerti individwi ikunu f’periklu li jitilfu ħajjithom”.
Fil-fatt huwa rrefera għal każ riċenti li seħħ f’art twelidu – fi Spanja – meta kien hemm qtugħ tad-dawl totali fil-pajjiż kollu u nies li kienu qegħdin jiddependu fuq magni mediċi, mietu. Dan b’mod speċjali il-morda li kienu qegħdin jgħixu fid-dar personali tagħhom. B’ton serju u mħasseb Perez irrakkonta kif “dakinhar il-mowbajls ma kinux qegħdin jaħdmu, it-traffic lights ma kinux qegħdin jaħdmu, industriji differenti ma kinux qegħdin jiffunzjonaw minħabba dan il-qtugħ tad-dawl. Il-kwistjoni mhiex biss dwar ir-riperkussjonijiet ekonomiċi. Aħna, min-naħa tagħna, issa rridu nuru lis-soċjetà li l-impjegati tagħna, li ħafna minnhom huma Maltin u huma professjonali ħafna, qegħdin jagħmlu l-almu tagħhom u huma kburin b’xogħolhom”.
Il-provvista ta’ elettriku bil-gass: Soluzzjoni fit-tul
Dwar x’jara fil-futur tal-ElectroGas u ta’ Malta fejn tidħol l-enerġija, il-Kap Eżekuttiv qal li l-kumpanija għandha rwol importanti u hekk se tibqa’ fil-futur. “Bħala ElectroGas qegħdin naħdmu ħafna biex nipprovdu sostenibbiltà. Malta trid tkun awtosuffiċjenti. Ovvjament irid ikollha konnessjonijiet ma’ pajjiżi oħra”.
Huwa qal li l-użu tal-gass għall-provvista tal-elettriku f’Malta mhiex soluzzjoni temporanja. Anzi, enfasizza li, “żgur li hija soluzzjoni fit-tul. Is-sena l-oħra għamilna investiment importanti fit-turbini tal-gass tagħna biex nagħmluhom aktar effiċjenti għall-benefiċċju tal-pajjiż”. Sadanittant, huwa ċert li matul is-snin il-Gvern Malti se jsib mod kif jagħmel il-pajjiż indipendenti mill-aspett ta’ enerġija. Il-parir tiegħu huwa li ma jiddependix fuq partijiet terzi.
“In-nies jistgħu jilmentaw dwar il-prezz tal-elettriku, ħaġa li hija normali kullimkien, imma nistgħu ngħidu li llum il-ġurnata għandna sistema ta’ distribuzzjoni li qiegħda taħdem tajjeb fejn għandna sorsi differenti ta’ enerġija. Fil-preżent, il-kwalità tal-ħajja attwali f’Malta hija affidabbli, sostenibbli, u aċċessibbli għal kulħadd,” temm b’nota pożittiva l-Kap Eżekuttiv ta’ ElectroGas, Jorge Perez.