Friday, August 22, 2025

‘Malta hi “art partikolari, mimlija stejjer veri u esperjenzi professjonali’ – Enzo Ghinazzi

Aqra wkoll

‘Pupo’Il-lejl tal-21 ta’ Awwissu 2025 se jibqa’ mnaqqax fil-memorja tal-udjenza Maltija li kienet preżenti għall-kunċert Notte Italiana con Pupo fil-qalba tal-Belt Valletta, fl-ambjent storiku ta’ Pjazza Teatru Rjal.

Kienet lejla maġika fejn il-leġġenda Taljana Enzo Ghinazzi, magħruf minn kulħadd bħala Pupo, ħareġ fuq il-palk flimkien ma’ orkestra impekkabbli u ta’ wirja mimlija nostalġija, passjoni u messaġġi ta’ ħajja.

Imwieled fit-11 ta’ Settembru 1955 fir-raħal ta’ Laterina Pergine Valdarno fir-reġjun tat-Toscana, Pupo illum għandu kważi 70 sena. Għal kważi ħames deċennji hu stabilixxa ruħu bħala wieħed mill-aktar ismijiet magħrufa tal-mużika pop Taljana.

Ir-repertorju tiegħu hu vast, iżda fost il-kanzunetti li jibqgħu f’qalb il-pubbliku hemm Gelato al Cioccolato, Firenze Santa Maria Novella, Su di Noi, Cieli Azzurri, Forse u Come Sei Bella.Apparti l-karriera bħala kantant, Pupo ħadem ukoll bħala preżentatur televiżiv, attur u anke kittieb ta’ kotba awtobijografiċi u letterarji. Ir-reġjun tat-Toskana tibqa’ l-ispirazzjoni tiegħu hekk kif kellna ċ-ċans nagħmlu intervista miegħu ġurnata qabel dan il-kunċert ferm sabiħ.“Ir-reġjun tiegħi hu l-isbaħ fid-dinja,” jgħidilna b’għajnejh jixegħlu. “U Firenze hija ġojjell li għalija tibqa’ dejjem fil-qalbi.”

Din ma kinitx l-ewwel darba ta’ Pupo f’pajjiżna. Fil-fatt, l-ewwel żjara tiegħu tmur lura għall-aħħar tas-snin sebgħin. Huwa jirrakkonta episodju partikolari li qatt ma nesa:

“Meta wasalt Malta għall-ewwel darba, ġejt milqugħ fl-ajruport minn ħafna nies. Ftit tal-ħin wara li tlaqt lura lejn l-Italja, seħħ terremot fil-pajjiż tiegħi. Dak il-mument tal-merħba Maltija qatt ma stajt ninsiha u minn dakinhar ’il quddiem Malta dejjem baqgħet tokkupa post speċjali f’qalbi.”

Pupo jħoss li Malta hi “art partikolari, mimlija stejjer veri u esperjenzi professjonali”. Meta tkellem dwar il-preżent, hu faħħar il-merħba tal-Maltin u l-kwalità tal-ħajja fuq il-gżejjer. “Din hi gżira fejn il-kulturi Taljana, Għarbija u Ingliża jitħalltu flimkien b’mod uniku. Dan jagħmilha post tassew speċjali.”

Meta staqsejnih dwar ix-xena mużikali Taljana tal-lum, Pupo wera ċertu tħassib. “Il-mużika nbidlet ħafna. Ma nsibux aktar il-kantant jew kantanta tipika b’identità ċara. Illum rajna t-tixrid ta’ rappers Taljani li jħalltu l-lingwa Taljana mal-Ingliż. Xi kanzunetta tkun fuq nett tal-klassifika għal ftit ġimgħat, imbagħad tintesa.

Qed ngħixu f’dinja ta’ ‘uża u armi’.”Bħala artist b’50 sena esperjenza, Pupo jħoss li t-teknoloġija, partikolarment il-kompjuter, qed jinbidel kollox: “Kulħadd jaħseb li hu artist għax għandu kompjuter. Iżda l-mużika vera hi l-esperjenza live, l-emozzjoni li tagħti lill-udjenza f’dak il-mument uniku.”

Il-kunċert fil-Pjazza Teatru Rjal kien prova ċara tal-valur li jagħti Pupo lill-esperjenza msejħa live.“Meta kantant ikanta live ma’ orkestra bħal din, hemmhekk toħroġ il-professjonalità,” sostna Pupo. “Ma tkunx qed tagħmel playback jew sempliċement tiċċaqlaq fuq il-palk, imma qed tagħti esperjenza mużikali awtentika.”Il-lejla kienet mimlija enerġija. L-udjenza daħlet fl-atmosfera Taljana hekk kif bdew jindaqqu l-ewwel noti ta’ Su di Noi, diska li għalqet 40 sena minn meta ħarġet u li tat isem lit-tour attwali ta’ Pupo. L-udjenza Maltija kienet tidher li taf il-kliem kollu, u bosta kantaw magħha b’għajnejhom magħluqa.

Fid-djalogu magħna, Pupo għamel ħarsa lejn l-istorja tal-mużika pop. “Jien rajt il-bidu u kważi t-tmiem tal-mużika pop. Kien żmien sabiħ ħafna fis-snin tmenin u disgħin. Illum, l-istil evolva, iżda nħoss li l-kwalità ma tibqax l-istess. Iż-żgħażagħ ma jafux jistennew , kollox irid isir malajr. Dan ukoll frott it-teknoloġija. U għalhekk nikkonferma li l-kwantita’ saret aħjar mill-kwantita’.”

U żied jgħid: “Il-kompjuter qatel ħafna mill-mużika live. Illum ħafna jipproduċu b’mod sintetiku u juru x-xbieha tagħhom biss. Imma l-mużika hi aktar minn hekk – hi l-passjoni, il-paċenzja u l-ħila li toħloq emozzjoni vera.”

Meta staqsejnieh dwar il-futur, Pupo tbissem. “Għadni ma naħsibx fuq xi proġetti kbar ġodda. Għandi l-intenzjoni nkompli bit-tour tiegħi u nkanta fejn ikun hemm min jistenna l-kanzunetti tiegħi. Se nidħol fis-sebgħin sena dalwaqt hekk kif għeluq snini hu fil-11 ta’ Settembru li ġej, u nemmen li ħafna diġà hu miktub. L-iktar ħaġa importanti għalija hi li nkompli nferraħ lin-nies.”

Huwa semma wkoll il-ħbiberija tiegħu ma’ Gianni Morandi, 11-il sena ikbar minnu: “Tkellimna reċentement dwar il-futur. It-tama hi li nkomplu nitilgħu fuq il-palk anke meta nkunu fl-80 sena tagħna!”Fuq nota personali, tlabna lil Pupo jagħti messaġġ liż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu triq fil-karriera mużikali. Il-kliem tiegħu kien ċar u motivanti:“Qatt m’għandek taqta’ qalbek. Trid tipprattika ħafna, tistudja u fuq kollox titgħallem tistenna. Il-proċess hu essenzjali biex issir dejjem aħjar. Illum ħadd ma jaf jistenna, imma hu hemm li tkun il-vera differenza. Trid tbati ftit biex tgawdi u trid tibqa’ umli, għax il-kburija qatt ma twasslek ’il bogħod.”

Fi kliem ieħor, is-sigriet tas-suċċess tiegħu qatt ma kien xi misteru moħbi: ħafna xogħol u ftit xorti. “Meta taħseb li tajt kollox, ibda mill-ġdid. Hemm il-vera forza.”Il-kunċert ta’ Pupo kien parti mill-istaġun artistiku 2025 li jinkludi firxa ta’ attivitajiet bejn April u Ottubru. Pjazza Teatru Rjal, li fetaħ il-bibien tiegħu 12-il sena ilu, illum hu wieħed mill-ikbar teatri miftuħa fil-Mediterran.Il-kombinazzjoni tal-arkitettura klassika, il-ħitan storici u s-sema miftuħ flimkien mal-vuċi ta’ Pupo ħolqu esperjenza irripetibbli.

Il-mużika tiegħu, li għal ħafna tfisser memorji tal-passat, ħadet ħajja ġdida f’ambjent li jħallat il-kultura Maltija ma’ dik Taljana.Notte Italiana con Pupo ma kienx biss kunċert, imma vjaġġ fil-memorja u fil-passjoni. Il-vuċi ta’ Pupo reġgħet wasslet dak il-ħoss pożittiv u allegru li saħħar ġenerazzjonijiet ta’ segwaċi tiegħu. Għall-Maltin, li għandhom rabta dejjiema mal-kultura Taljana, kienet opportunità rari li jesperjenzaw lil din il-leġġenda ħajja taħt l-istilel tal-Belt Valletta.

Pupo għadu l-istess artist kariżmatiku li beda l-vjaġġ tiegħu fl-aħħar tas-snin sebgħin. Illum, għalkemm aktar matur u riflessiv, għadu kapaċi jqajjem emozzjonijiet b’kanzunetti li ma jgħaddux żmienhom. Kif qal hu stess: “Il-futur tiegħi forsi diġà miktub, imma sakemm nista’ nkanta, se nibqa’ nagħti l-ferħ lill-udjenzi tiegħi.”

U fil-lejl fil-Belt Valletta, dan il-ferħ seta’ jinħass f’kull rokna ta’ Pjazza Teatru Rjal.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport