Sunday, November 24, 2024

“MALTA HI L-QALB TAL-MEDITERRAN” – il-Papa Franġisku

Aqra wkoll

“Malta hi l-qalb tal-Mediterran” Hekk qal fid-diskors tiegħu l-Papa Franġisku  waqt il-laqgħa mal-awtoritajiet u l-Korp Diplomatiku fis-Sala tal-Gran Kunsill tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta.

Huwa beda billi qal: “Insellmilkom minn qiegħ qalbi u rrodd ħajr lis-Sur President għall-kliem ta’ kortesija li indirizzali f’isem iċ-ċittadini kollha. L-antenati tagħkom kienu laqgħu b’qalb kbira lill-Appostlu Pawlu hu u sejjer lejn Ruma, u mxew miegħu u ma’ dawk li kienu jivvjaġġaw miegħu “bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2); issa, li ġejt minn Ruma, qed inġarrab jiena wkoll il-laqgħa ħerqana tal-Maltin, teżor li dan il-Pajjiż baqa’ jiret minn ġenerazzjoni għal oħra.”

Il-Qdusija Tiegħu qal: “Minħabba l-pożizzjoni tagħha, nistgħu ngħidu li Malta hija l-qalb tal-Mediterran. U mhux biss minħabba l-pożizzjoni: in-nisġa ta’ ġrajjiet storiċi u l-laqgħa ta’ popolazzjonijiet, lil dawn il-gżejjer ilhom eluf ta’ snin li sawruhom bħala ċentru ta’ vitalit. u kultura, ta’ spritwalità u sbuħija, salib it-toroq li għaraf jilqa’ u jwaħħad flimkien influwenzi ġejjin minn diversi nħawi.  Mhux b’kumbinazzjoni li fil-mapep antiki tal-Mediterran, il-warda tal-irjieħ spiss titqiegħed qrib il-gżira ta’ Malta. Nixtieq nissellef proprju t-tixbiha tal-warda tal-irjieħ, li tispjega l-kurrenti tal-arja skont il-punti kardinali, biex niġbor fil-qosor erba’ influwenzi essenzjali għall-ħajja soċjali u politika ta’ dan il-Pajjiż.”

Qal ukoll: “L-għaqda u l-paċi huma rigali li l-poplu Malti jitlob lil Alla kull darba li jkanta l-Innu Nazzjonali. Fil-fatt, it-talba miktuba minn Dun Karm Psaila tgħid: “Agħti, kbir Alla, iddehen u l-ħniena lil min jaħkimha, saħħaħ lill-ħaddiem, u seddaq fil-Maltin l-għaqda u s-sliem”. Il-paċi tiġi wara l-għaqda u tfawwar minnha. Dan ifakkarna kemm hi importanti l-ħidma flimkien, li l-għaqda tiġi qabel kull firda, fit-tisħiħ tal-għeruq u tal-valuri maqbula li fasslu l-uniċità tas-soċjetà Maltija.”

“Imma bħala garanzija ta’ konvivenza soċjali tajba, mhux biżżejjed li jissaħħaħ is-sens tal-appartenenza; jeħtieġ jissaħħaħ is-sies tal-għajxien komuni li jieqaf fuq id-dritt u l-legalità. L-onestà, il-ġustizzja, is-sens tad-dmir u t-trasparenza huma pilastri essenzjali ta’ soċjetà ċivilment avvanzata. L-impenn biex jintemmu l-illegalità u l-korruzzjoni għandu jkun qawwi bħar-riħ li, meta jonfoħ mit-tramuntana jnaddaf il-kosta tal-Pajjiż. 

Id-dar Ewropea hija impenjata biex tmexxi ’l quddiem il-valuri tal-ġustizzja u tal-ugwaljanza soċjali, u hija wkoll minn ta’ quddiem nett biex tħares id-dar tal-ħolqien fil-firxa kollha tagħha. L-ambjent li ngħixu fih hu rigal mis-sema, kif mill-ġdid jagħraf l-Innu Nazzjonali li jitlob lil Alla jħares is-sbuħija ta’ din l-art, omm imżejna b’dawl mill-aktar għoli.”

Żied jgħid: “Huwa minnu li f’Malta, fejn il-ġmiel imdawwal tal-pajsaġġ itaffi d-diffikultajiet, il-maħluq jidher qisu rigal li, qalb il-provi tal-istorja u tal-ħajja jfakkarna kemm hu sabiħ li tgħix fl-art. Għalhekk għandu jkun imħares mir-regħba bla xabgħa, mill-kilba għall-flus u mill-ispekulazzjoni tal-bini, li mhux biss jikkompromettu l-pajsaġġ, iżda l-ġejjieni. Minflok, il-ħarsien tal-ambjent u l-ġustizzja soċjali jħejju l-ġejjieni u huma toroq mill-aħjar biex liż-żgħażagħ iqajmu fihom il-passjoni għal politika tajba, u jbegħduhom mill-apatija u n-nuqqas ta’ impenn.”

“Ir-riħ mit-tramuntana spiss jingħaqad ma’ dak li jonfoħ mill-punent. Fil-fatt, dan il-Pajjiż Ewropew, partikolarment fiż-żgħażagħ tiegħu, għandu sehem ukoll mill-istili ta’ ħajja u ħsieb tal-Punent. Minn dawn joħroġ ukoll ġid kbir – qed naħseb fil-valuri tal-libertà u d-demokrazija – imma hemm ukoll riskji li hemm bżonn ngħassu fuqhom sabiex ix-xenqa għall-progress ma twassalx biex jinqatgħu l-għeruq. Malta hi “laboratorju ta’ żvilupp organiku” meraviljuż, fejn il-progress ma jfissirx it-tqaċċit mill-għeruq tal-imgħoddi f’isem prosperità falza ddettata mill-qligħ, mill-ħtiġijiet ikkawżati mill-konsumiżmu, kif ukoll mid-dritt li kulħadd għandu jedd għal kollox. Biex l-iżvilupp ikun san importanti titħares il-memorja u b’rispett tintiseġ l-armonija bejn il-ġenerazzjonijiet, bla ma nħallu jirkbuna l-approvazzjoni ta’ kulma hu artifiċjali u l-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi.

Fil-bażi ta’ tkabbir solidu hemm il-persuna umana, ir-rispett lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull raġel u kull mara. Naf li l-Maltin huma impenjati biex iħaddnu u jħarsu l-ħajja. Diġà fl-Atti tal-Appostli kontu protagonisti biex salvajtu tant nies. Inħeġġiġkom biex tissuktaw tiddefendu l-ħajja mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha, iżda wkoll biex f’kull waqt tħarsuha milli tkun skartata u milli tisfa’ ttraskurata. Qed naħseb speċjalment fid-dinjità tal-ħaddiema, tal-anzjani u tal-morda.”

“U fiż-żgħażagħ li jirriskjaw li jaħlu t-tajjeb bla qies li hemm fihom, bil-ġiri wara illużjonijiet li jħallu fihom vojt kbir. Dawn iġibu magħhom il-konsumiżmu esaġerat, l-għeluq lejn il-ħtiġijiet tal-oħrajn u l-pjaga tad-droga, li toħnoq il-libertà għax toħloq id-dipendenza. Ejjew inħarsu s-sbuħija tal-ħajja! Inkomplu nduru mal-warda tal-irjieħ, inħarsu lejn in-nofsinhar. Minn hemm jiġu tant ħutna rġiel u nisa jfittxu t-tama. Irrid irrodd ħajr lill-Awtoritajiet u lill-popolazzjoni għal-laqgħa li dawn jingħataw f’isem

il-Vanġelu, għall-umanità u s-sens ta’ ospitalità tipika tal-Maltin. Skont l-etimoloġija Feniċja, Malta tfisser “port żgur”. Madankollu quddiem il-mewġ dejjem jikber tul dawn l-aħħar snin, il-biża’ u l-insikurezza nibbtu l-qtigħ ta’ qalb u l-frustrazzjoni. Biex il-kwistjoni migratorja kumplessa tkun ikkonfrontata kif imiss jeħtieġ inħarsu lejha minn perspettiva aktar wiesgħa kemm taż-żmien u kemm tal-ispazju.”

Żied jgħid: “Iż-żmien: il-fenomenu migratorju mhux ċirkostanza tal-mument, imma jittimbra l-epoka tagħna. Miegħu jġib id-dejn tal-inġustizzji tal-imgħoddi, ta’ tant sfruttament, ta’ tibdil fil-klima, ta’ kunflitti miżerabbli li huma jħallsu l-konsegwenzi tiegħu. Min-nofsinhar fqir u popoluż, qtajja’ ta’ persuni jersqu lejn it-tramuntana aktar għanja: hu fatt li ma nistgħux nirrifjutawhom b’għeluq anakronistiku, għax fl-iżolament mhux se jkun hemm prosperità u integrazzjoni. Wieħed imbagħad irid iqis ukoll l-ispazju: il-firxa tal-emerġenza migratorja – niftakru fir-rifuġjati mill-Ukrajna martirizzata – titlob tweġibiet wiesgħa u maqbula. Xi pajjiżi ma jistgħux jitgħabbew bil-problema kollha tal-indifferenza tal-oħrajn! U Pajjiżi ċivili ma jistgħux, għall-interessi tagħhom, jagħmlu ftehim suspettuż u mtajjan ma’ nies ta’ qatgħa ħażina li lill-persuna jagħmluha lsira. Il-Mediterran għandu bżonn responsabbilt. Ewropea komuni u maqbula biex isir mill-ġdid teatru ta’ solidarjetà u ma jkunx il-fruntiera ta’ nawfraġju traġiku ta’ ċiviltà.”

Il-Qdusija Tiegħu tkellem ukoll: “U dwar in-nawfraġju, qed niftakar f’San Pawl li fl-aħħar darba li kien qed jaqsam il-Mediterran wasal fuq dawn ix-xtut bla ħsieb u sab l-għajnuna. Imbagħad wara li gidmitu l-lifgħa, tqies bħala raġel ħażin; ftit wara, iżda, beda jitqies bħala divinit. għax ma ġarrab ebda konsegwenza (ara Atti 28:3-6). Bejn l-esaġerazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ estremi kienet qed tinsatar xhieda ewlenija: Pawlu kien raġel, bi ħtieġa li jkun milqugħ. L-umanit. tiġi qabel kollox u tippremja kollox: dan jgħallmu dan il-Pajjiż li l-istorja tiegħu gawdiet mill-miġja ddisprata tal-Appostlu nawfragu. F’isem il-Vanġelu li hu għex u pprietka, ejjew niftħu beraħ qlubna u niskopru s-sabiħ li taqdi lil min hu fil-bżonn.”

“Meta llum, fil-konfront ta’ dawk li jaqsmu l-Mediterran ifittxu s-salvazzjoni, jiddominaw il-biża’ u “n-narrattiva tal-invażjoni”, u l-għan ewlieni donnu jidher li hu t-tħaris tas-sigurt. proprja jiġri x’jiġri, ejjew ngħinu lil xulxin biex ma nħarsux lejn il-migrant bħala theddida u biex ma nċedux għat-tentazzjoni li nibnu pontijiet li jintrefgħu, jew ħitan. L-ieħor mhuwiex xi virus li għandna niddefendu ruħna minnu, imma persuna li għandna nilqgħuha, u “l-ideal Nisrani hu dejjem stedina biex negħlbu kull suspett ta’ fiduċja, il-biża’ li xi ħadd jinvadina, l-atteġġjamenti difensivi li d-dinja tal-lum timponi fuqna” (Eżortazzjoni appostolika Il-ferħ tal-Vanġelu, 88). Ma nħallux l-indifferenza titfi l-ħolma li ngħixu flimkien! Ċertament, li tilqa’ jġib tbatija u jitlob ċaħda. L-istess ġralu San Pawl: biex jeħles mill-għarqa l-ewwel kien meħtieġ li jkun issagrifikat il-ġid kollu li kien hemm fuq il-bastiment (ara Atti 27:38). Imma huma qaddisa ċ-ċaħdiet magħmulin għall-ġid, għall-ħajja tal-bniedem li hu t-teżor ta’ Alla!

Fl-aħħar, hemm ir-riħ li ġej mil-lvant, li spiss jonfoħ maż-żerniq. Omeru kien sejjaħlu “Euro” (Odissea, V, 379, 423). U proprju mil-lvant tal-Ewropa, mill-Orjent minn fejn ifiġġ l-ewwel dawl, waslu d-dlamijiet tal-gwerra. Konna qed naħsbu li l-invażjonijiet ta’ pajjiżi oħra, it-taqbid brutali fit-toroq u ttheddid atomiku kienu tifkiriet mudlama tal-imgħoddi mbiegħed. Iżda r-riħ kiesaħ tal-gwerra li ġġib biss qerda u mibegħda, nefaħ bil-prepotenza fuq il-ħajja ta’ bosta u fuq il-jiem ta’ kulħadd. U filwaqt li għal darb’oħra xi setgħan, b’niket magħluq fil-pretensjonijiet anakronistiċi ta’ interessi nazzjonalistiċi,

jipprovoka u jxewwex il-kunflitti, in-nies komuni jħossu l-bżonn li jibnu ġejjieni li jew ikun flimkien inkella ma jseħħx. Issa, fil-lejl tal-gwerra li niżlet fuq l-umanit., ejjew ma nħallux tgħib il-ħolma tal-paċi.”

Żied jgħid: “Malta, li tilma bid-dawl fil-qalba tal-Mediterran, tista’ tnebbaħna, għax hemm urġenza li rroddu lura s-sbuħija lill-wiċċ tal-bniedem, sfigurat bil-gwerra. Statwa Mediterranja sabiħa ġejja minn sekli qabel Kristu tirrafigura l-paċi, Irene, qisha mara li qed iġġorr f’dirgħajha ’l Plotun, l-għana. Tfakkar li l-paċi tiġġenera l-ħajja tajba u l-gwerra l-faqar biss. U jagħtik x’taħseb il-fatt li fl-istatwa l-paċi u l-għana huma rrappreżentati bħala omm li qed iżżomm lil binha f’dirgħajha. Il-ħlewwa tal-ommijiet, li lid-dinja jagħtuha l-ħajja, u l-preżenza tan-nisa huma l-alternattiva vera għal-loġika xellerata tal-poter li jwassal għall-gwerra. Aħna għandna bżonn ta’ ħniena u kura, mhux ta’ viżjonijiet ideoloġiċi u populiżmi, mitmugħa bi kliem ta’ mibegħda u li m’għandhomx għal qalbhom il-ħajja konkreta tal-poplu, tan-nies komuni.”

“Aktar minn sittin sena ilu, lid-dinja mhedda mill-qerda, fejn kienu jikkmandaw il-kontrappożizzjonijiet tal-ideoloġiji u l-loġika tal-ħadid tal-alleanzi, mill-baċir tal-Mediterran intrefa’ leħen kontra l-kurrent, li kontra l-eżaltazzjoni tal-interessi tal-parti, qajjem terremot profetiku f’isem il-fraternità universali. Kien dak ta’ Giorgio La Pira li kien qal: “Iċ-ċirkustanza storika li qed ngħixu, l-iskontru tal-interessi u tal-ideoloġiji li qed jheżżu l-umanit. maqbuda f’nassa ta’ infantiliżmu inkredibbli, lill-Mediterran iroddulu lura responsabbilt. kapitali: li jiddefinixxi mill-ġdid in-normi ta’ Qies li bih il-bniedem imħolli għad-dellirju u għall-esaġerazzjonijiet, ikun jista’ jerġa’ jagħraf lilu nnifsu” (Intervent fil-Kungress tal-Mediterran tal-Kultura, 19 ta’ Frar 1960). Hu kliem attwali: kemm neħtieġu “qies uman” quddiem l-aggressività infantili u qerrieda li qed theddidna, quddiem ir-riskju ta’ “gwerra bierda mifruxa”, li taf toħnoq

il-ħajja ta’ popolazzjonijiet u ġenerazzjonijiet sħaħ! Dak “l-infantiliżmu” ma għebx. Reġa’ tfaċċa bi prepotenza fis-seduzzjonijiet tal-awtokrazija, fl-imperjaliżmi l-ġodda, fl-aggressivit. mifruxa, fin-nuqqas ta’ ħila li nibnu pontijiet u li nibdew mill-aktar foqra. Minn hawn jibda jonfoħ ir-riħ kiesaħ tal-gwerra, li din id-darba wkoll kien ilu jinġema’ tul is-snin. Iva, il-gwerra ilha titħejja minn żmien b’investimenti kbar u l-kummerċ tal-armi. U huwa ta’ niket tara kif l-entużjażmu għall-paċi, li tqanqal wara t-Tieni Gwerra

Dinjija, baqa’ jnin tul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, kif ġara wkoll lill-mixja tal-komunità internazzjonali, bi ftit setgħanin li għadhom għaddejjin għal rashom ifittxu spazji u rqajja’ ta’ influwenza.”

“U b’hekk, mhux biss il-paċi, iżda wkoll tant kwistjonijiet kbar oħra bħalma huma l-ġlieda kontra l-ġuħ u ddiżugwaljanzi, fil-fatt sfaw imħassra mill-aġendi tal-politika prinċipali.

Imma s-soluzzjoni tal-kriżijiet ta’ kull persuna hi li nieħdu ħsieb dawk ta’ kulħadd, għax il-problemi globali jitolbu soluzzjonijiet globali. Ejjew ngħinu lil xulxin biex nisimgħu l-għatx għall-paċi tan-nies, ejjew naħdmu biex inqiegħdu s-sisien għal djalogu dejjem aktar mifrux, ejjew nerġgħu nibdew niltaqgħu f’konferenzi internazzjonali għall-paċi fejn it-tema ċentrali tkun dik tad-diżarm, b’ħarsitna mdawra lejn il-ġenerazzjonijiet

li għad jiġu! U l-fondi bla qies li għadhom jintefqu fl-armamenti ħa jinbidlu f’fondi għall-iżvilupp, għas-saħħa u għan-nutriment.”

Kif nibqa’ nħares lejn il-lvant, nixtieq fl-aħħar indawwar ftit ħsiebi lejn il-Lvant Nofsani, rifless fil-lingwa ta’ dan il-Pajjiż, li tarmonizza ma’ oħrajn kważi biex tfakkar kemm il-Maltin għandhom ħila jiġġeneraw konvivenzi li jaħju, b’sura ta’ konvivjalit. bejn id-differenzi. Dan għandu bżonn il-Lvant Nofsani: il-Libanu, is-Sirja, il-Jemen u sitwazzjonijiet oħra mfarrkin biċċiet mill-problemi u l-vjolenza.

Jalla Malta, il-qalb tal-Mediterran, tkompli ssaħħaħ it-taħbit tal-qalb tat-tama, il-kura għall-ħajja, l-akkoljenza tal-ieħor, il-ħerqa għall-paċi bl-għajnuna ta’ Alla, li ismu huwa paċi. Ħa jbierek Alla lil Malta u lil Għawdex!”

Sport