Saturday, December 21, 2024

“Malta hija bħal kalamita u port tas-salvazzjoni”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Papa Franġisku f’Ta’ Pinu jappella biex il-fidi nipprattikawha billi nilqgħu lill-immigranti fostna

“Il-merħba hija l-prova aħħarija ta’ kemm fil-verità l-Knisja tgħix il-Vanġelu. Ma nistgħux naċċettaw lil xulxin fil-knejjes sbieħ tagħna mentri barra hemm ħafna minn ħutna li huma msallba bi tbatija, faqar u vjolenza. Il-pożizzjoni kruċjali ġeofrafika tagħkom hija bħal kalamita u port tas-salvazzjoni għal persuni vulnerabbli li għal xi raġuni jaslu fix-xtut tagħkom. Huwa Kristu nnifsu li jidher fl-uċuħ ta’ dawn il-povri rġiel u nisa.” 

Dan kien il-qafas tal-messaġġ tal-Papa Franġisku fl-omelija ta’ talb li għamel f’wieħed mill-aktar attrazzjonijiet importanti Kattoliċi f’pajjiżna – fis-Santwarju ta’ Pinu f’Għarb Għawdex. Huwa għamel appell qawwi biex kif l-antenati tagħna laqgħu lill-Appostlu Pawlu, hekk għandna nagħmlu bejnietna bħala poplu, kif ukoll mal-immigranti li jfittxu refuġju f’pajjiżna. 

Fit-tielet żjara tal-Pontefiċe f’Ta’ Pinu bl-ewwel waħda tkun mill-Papa Ġwanni Pawlu II fis-26 ta’ Mejju 1990 u oħra mill-Papa Benedittu XVI fit-18 ta’ April 2010, il-Papa Franġisku talab biex nipprattikaw il-Kelma t’Alla u nilqgħu lill-oħrajn ħalli nsiru “esperti fl-umanità”.

Is-Santità Tiegħu indirizza l-folla quddiemu f’Ta’ Pinu fejn talab biex ngħixu t’awħa fil-familja t’Alla. Huwa ħeġġeġ biex l-akkoljenza ma tkunx biss formalità, iżda f’isem Ġesù Kristu. Filwaqt li jaf li din tista’ tkun ta’ sfida, il-Papa Franġisku qal li Malta u Għawdex huma żewġ komunitajiet sbieħ bħalma kienu Marija u Ġwanni u li dejjem għandhom jimxu u jaħdmu flimkien. 

Il-Papa ta l-eżempju ta’ meta fl-aħħar siegħa ta’ ħajtu  kien fuq is-salib Ġesù ta lil Marija lil Ġwanni bħala ommu fejn, “f’dak il-mument id-dixxiplu laqagħHa fid-dar tiegħu”. Is-Santità Tiegħu, filwaqt li stedinna nħarsu lejn il-passat biex inġeddu mill-ġdid il-fidi tagħna, qal li dan ifisser li rridu nħaddnu fina l-arti tal-akkoljenza. Meta Ġwanni laqa’ għandu lil Marija “dan kien sinjal ċar ta’ kif għandna ngħixu l-kmandament suprem tal-imħabba. L-adorazzjoni tagħna lejn Alla sseħħ verament meta nkunu viċin ħutna”. 

Barra li saħaq fl-importanza li bħala poplu għandna ngħinu lil xulxin, il-Papa Franġisku tkellem ħafna dwar it-tbatijiet tal-immigranti li jaqsmu l-Mediterran biex isibu post sigur. Huwa qal li l-akkoljenza hija l-Vanġelu li mitlubin nipprattikaw billi “nilqgħu lill-oħrajn b’imħabba għal dawk li jafu x’inhija t-tbatija u l-krudeltà tal-ħajja. Fil-każ ta’ Pawlu wkoll, xi ħaġa importanti twieldet mill-esperjenza drammatika tiegħu, għax hawn Pawlu u warajh ħafna oħrajn fosthom qassisin u missjunarji, xerred il-Kelma t’Alla,” kompla l-Papa. 

Hawnhekk huwa kkwota lill-Isqof Teuma li qal li aħna gżira żgħira iżda b’qalb kbira. Il-Papa qal li Malta hija teżor fil-Knisja u għall-Knisja u talab biex nibqgħu nippreservaw dan it-teżor billi mmorru lura għall-essenza tal-Kristjaneżmu li hija l-imħabba t’Alla, il-ferħ u l-imħabba lejn il-ġara tagħna għax “din hija l-aqwa u l-aħjar xiehda Kristjana li nistgħu nuru quddiem il-bqija tad-dinja”. 

F’Ta’ Pinu l-Qdusija Tiegħu, li għandu l-età sabiħa ta’ 85 sena, wissa wkoll li fi kriżi tal-fidi, apatija fil-prattiċi reliġjużi b’mod speċjali wara l-pandemija tal-Covid-19 u l-indifferenza lejn il-preżenza t’Alla m’għandhomx ikunu “ġustifikati” bl-idea li għad hemm ċertu spirtu ta’ reliġjuż ħaj. “Xi drabi l-istrutturi jistgħu jidhru reliġjużi iżda barra dik l-apparenza, minn ġewwa l-fidi tkun qiegħda tmajna. Tradizzjonijiet reliġjużi mhux dejjem jikkorrispondu ma’ fidi qawwija u evanġelizzazzjoni. Hemm bżonn li l-prattiċi reliġjużi ma jsirux fuq pedament tal-passat iżda jibqgħu espressjoni tal-ħajja u fidi li xerred il-ferħ tal-Vanġelu,” spjega l-Papa Franġisku.

F’din it-talba solenni tal-Papa Franġisku f’Ta’ Pinu, li ħabtet fl-anniversarju mill-mewt ta’ San Ġwanni Pawlu II, huwa qal li dawn huma żminijiet biex inkunu Knisja li tikkonċentra fuq il-ħbiberija ma’ Ġesù. Stedinna wkoll biex inxerdu l-Kelma t’Alla, biex inkunu Knisja ta’ xiehda u mhux ta’ ċerti tradizzjonijiet reliġjużi, kif ukoll biex inkunu Knisja li tiltaqa’ ma’ kulħadd. Huwa għaldaqstant inkoraġġina biex bħala poplu, kif diġà għamilna, naqbdu toroq ġodda anke jekk dawn jistgħu jkunu “riskjużi”, għal evanġelizzazzjoni u proklamazzjonijiet li jibdlu l-ħajjiet.

F’Ta’ Pinu l-Papa Franġisku temm jgħid li l-imħabba fraterna u l-merħba li nuru lill-ġara tagħna għall-Knisja huma importanti ħafna fejn spjega, “li nkunu sinodu fi kliem sempliċi jfisser li nagħmlu l-vjaġġ flimkien. Għax Alla huwa preżenti fejn hemm l-imħabba”.

Ekonomija

Sport