Waqt intervista ma’ Peppi Azzopardi l-Prim Ministru Robert Abela beda biex jgħid li jrid ikollok bilanċ bejn il-ħajja u l-għajxien tal-poplu. Rigward l-iskejjel u l-ftuħ tagħhom, Abela qal li jemmen fil-preżenza fiżika tat-tfal fil-klassi. Qal li hu u martu għażlu li jekk ikollhom l-opportunità jibagħtu lil binthom ta’ tmien snin se jkunu qed jagħmlu dan b’mod fiżiku. Il-PM qal li minkejja li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet rigward il-ftuħ tal-iskejjel, jekk dawn jiftħux b’mod fiżiku, online jew b’bilanċ bejn it-tnejn, it-tfal jeħtieġ li jkomplu jitħarrġu għax inkella se jkollna detriment soċjali.
Peppi Azzopardi rrefera għal stħarriġ li jindika li l-maġġoranza tal-Maltin jemmnu li dan il-gvern qed imexxi tajjeb fi żmien il-pandemija, iżda li huma kontra li pajjiżna jiftaħ l-iskejjel b’mod fiżiku. Il-PM qal li se jkun hemm għażla dwar jekk tibatx lil uliedek jew le, iżda t-tfal m’għandhomx jiċċaħdu mill-edukazzjoni.
Rigward l-immigranti li qed ifittxu li jidħlu f’pajjiżna, Abela qal li ma jista’ jwiegħed xejn, dan il-gvern qed jaħdem biex jitnaqqas l-influss. Qal li l-obbligu primarju ta’ salvataġġ tal-ħajjiet ma ġie injorat qatt minn dan il-gvern. Minkejja dan fl-aħħar jiem 27 immigrant għamlu ġimgħat fuq il-baħar għax il-gvern żamm il-pożizzjoni li ma nistgħux nibqgħu nerfgħu l-piż waħidna. Il-PM qal li b’persentaġġ ta’ 1% tal-popolazzjoni, pajjiżna huwa “Full up”. Abela qal li pajjiżna ma jistax jagħmel aktar fejn tidħol l-immigrazzjoni.
Mistoqsi dwar il-ħabs, Abela qal li l-progress kien wieħed kbir fl-aħħar xhur u bit-tmexxija ta’ Alex Dalli, ġenituri ta’ ħabsin irringrazzjaw lill-PM innifsu wara li dawn m’għandhomx isibu persuni wara l-bibien ta’ djarhom biex jitħallsu għad-droga sintetika li kienet tidħol fil-ħabs. Mistoqsi dwar il-ħabsin, Abela qal li kulħadd għandu dritt jingħata l-opportunità li jibda mill-ġdid, iżda dan għandu jsir wara li ssir ir-rijabilitazzjoni u li l-individwi jħallsu ta’ għemilhom għax ma setax ikun li l-ħabs isir “il-lukanda li nafuh fil-passat”.
Rigward l-inkjesta b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Abela qal li kull inkjesta għandha tingħalaq fl-iqsar żmien possibbli, u b’hekk jemmen li sa Diċembru hemm żmien biżżejjed biex din tingħalaq. B’hekk huwa kkonferma li l-estensjoni se tkun qiegħda tingħata darba biss biex meta jkollu r-rapport finali f’idejh ikollu l-opportunità li jkompli jnaddaf ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Mistoqsi dwar kif se jikseb il-fiduċja tal-poplu li jibda jerġa’ jemmen fil-politiċi bħala persuni li jagħmlu l-ġid, Abela qal li bl-affarijiet sempliċi tista’ tikseb ħafna riżultati. Qal li din il-fiduċja tista’ tinkiseb għax il-politiku huwa bniedem bħal ħaddieħor u fl-irwoli kruċjali li jkun qed jaqdi jkun ta’ eżempju biex l-poplu jassoċja magħhom, iżda li meta jiġu għall-mument tad-deċiżjoni joħodha, anke jekk ikun hemm ċertu toqol jew diffikultà.
Mistoqsi dwar li kieku kien tesserat tal-Partit Nazzjonalista u kellu jivvota bejn iż-żewġ kandidati f’din l-elezzjoni għal mexxej ġdid tal-Partit Nazzjonalista, Abela wieġeb bi tbissima li “M’iniex tesserat u mhux se nwieġeb għal domandi ipotetiċi, dak hu eżerċizzju li jridu jagħmlu t-tesserati tal-PN”.