Wednesday, December 25, 2024

“Malta hija newtrali militarment iżda mhux newtrali fuq il-valuri” – Il-Ministru Evarist Bartolo

Aqra wkoll

F’laqgħa straordinarja oħra tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo tenna l-appoġġ ta’ Malta lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha filwaqt li għal darb’oħra ikkundanna l-azzjonijiet tar-Russja. Il-Ministru Bartolo rrimarka li filwaqt li Malta hija newtrali militarment, Malta “toqgħod mal-valuri tas-sovranità, l-indipendenza, l-ugwaljanza tan-nazzjonijiet, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u r-rifjut tal-użu tal-forza militari biex tbiddel il-fruntieri u timponi arranġamenti ta’ sigurtà fuq pajjiżi oħra. ”

Il-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin reġgħet issejjħet biex tiddiskuti l-kunflitt li għaddej fl-Ukrajna u jissimplifikaw aktar l-azzjonijiet UE-NATO dwar miżuri restrittivi adottati reċentement. Sar ukoll skambju ta’ fehmiet mas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit u l-Kanada u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO.

Il-Ministru Bartolo enfasizza l-importanza li jinżamm rispons sod u unifikat permezz ta’ sanzjonijiet qawwija kontra istituzzjonijiet u mexxejja Russi ewlenin, flimkien ma’ implimentazzjoni effettiva li hija ta’ l-akbar importanza. Barra minn hekk, il-Ministru Bartolo faħħar lill-komunitajiet Ukrajni u Russi li jgħixu flimkien f’paċi f’Malta u wissa kontra l-ħolqien ta’ klima ta’ inċitament u diskors ta’ mibegħda kontra r-Russi komuni. Il-Ministru Bartolo temm jgħid li “għaddejja gwerra għall-qlub u l-imħuħ għaddejja, u rridu nirbħuha”.

Ekonomija

Sport