Wednesday, April 30, 2025

Malta hija waħda mill-ftit kontej li għandha liġi ddedikata għall-match fixing – Dr Robert Dingli

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif qed jiżviluppa l-isport illum il-ġurnata?

Għal ħafna, l-isport huwa dak li jaraw b’għajnejhom. Madankollu, fir-realtà hemm ħafna xogħol li jsir wara l-kwinti biex jiġi żgurat li l-isport ikun jista’ jintlagħab f’ambjent sigur.

Element ewlieni tal-isport huwa l-aspett tal-kummerċjalizzazzjoni li jiżgura li l-isport jista’ jkompli jiżviluppa u jikber. Bħala riżultat, hemm ħafna kwistjonijiet legali li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Bħala eżempju, ħu sponsor li qed iħallas miljuni biex ikun wieħed mill-isponsors uffiċjali tat-Tazza tad-Dinja. Il-FIFA għandha diversi liġijiet fis-seħħ li jiżguraw li l-proprjetà intellettwali tagħha kif ukoll dik tal-isponsors uffiċjali tagħha tkun protetta u ma jsir l-ebda użu mhux awtorizzat minn din il-proprjetà intellettwali.

Minbarra l-kummerċjalizzazzjoni, hemm elementi importanti oħra li jridu jiġu kkunsidrati, bħas-salvagwardja fl-isports, il-protezzjoni tal-kuntratt kif ukoll l-espożizzjoni tar-responsabbiltà.

X’inhu r-rwol ta’ avukat tal-isport?

Fi kliem sempliċi, aħna nirrappreżentaw il-persuni u l-entitajiet kollha li huma involuti fl-isports. Ir-rwol ivarja skond il-kompitu li jkun hemm. Pereżempju, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jiġi rivedut il-kuntratt tal-logħob ta’ plejer qabel ma l-plejer jiffirma ma’ klabb ġdid jew jista’ jkun hemm tilwima li tirriżulta minn kuntratt eżistenti.

Avukat tal-isport jassisti wkoll assoċjazzjoni jew klabb fir-rigward tas-sottomissjonijiet tagħha li jkunu jeħtieġu li jiġu sottomessi lill-awtoritajiet rilevanti.

Avukat tal-isport jirrappreżenta wkoll klabb jew atleta meta jkun hemm kwistjonijiet dixxiplinarji, bħal ksur tar-regoli u r-regolamenti ta’ assoċjazzjoni, doping u match fixing.

Agħtina ftit fatti storiċi dwar l-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni li jinkludi wkoll l-isport, u kif dan kompla jevolvi tul is-snin.

Malta hija waħda mill-ftit kontej li għandha liġi ddedikata għall-match fixing li tmur lura għall-1976 permezz tal-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni (Players), liema Att minn dak iż-żmien ġie mħassar u sostitwit bl-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni fl-Isport li ġie promulgat fl-2018.

Iż-żewġ Atti jirreferu għal żewġ atti differenti b’rabta mal-korruzzjoni passiva; dawk magħmula minn plejer jew uffiċjal u dawk imwettqa minn organizzatur. Peress li ż-żewġ reati huma meqjusa bħala reati formali, sempliċi proposta jew offerta biex tiġi ffissata logħba hija meqjusa li tikkostitwixxi reat ta’ tali Att.

Minħabba l-fatt li match fixing qed ikompli jiżviluppa xejriet differenti u l-fatt li match fixing huwa meqjus globalment bħala wieħed mill-akbar reati fl-isport, kull persuna li tinstab ħatja li kkawża reat taħt l-Att il-ġdid teħel multa jew priġunerija, jew it-tnejn. It-terminu ta’ ħabs huwa ta’ mhux minn tliet snin, filwaqt li l-multa ma tistax tkun inqas minn ħamest elef Ewro (€5,000) u mhux aktar minn tletin elf Ewro (€30,000). L-Att il-ġdid jaggrava wkoll il-piena meta tali reat jitwettaq minn, fost l-oħrajn, uffiċjali jew impjegati ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali, membri ta’ klabb jew atleti.

Filwaqt li l-Att il-ġdid huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, Malta għadha ma toffrix protezzjoni tax-xhieda lil kull min iressaq informazzjoni kredibbli relatata mal-match fixing. Barra minn hekk, xi wħud jargumentaw li l-multi imposti fuq persuna li tinstab ħatja huma baxxi wisq meta l-premjijiet mit-twettiq ta’ match fixing jistgħu jkunu ferm ogħla.

Temmen li għad tasal dik il-ġurnata li fiha, l-iffissar tal-tal-logħob ikun eradikat għal kollox?

Kulħadd jixtieq jara dan isir realtà, madankollu sfortunatament irridu nkunu realistiċi u konxji li din is-sitwazzjoni kważi impossibbli li tintlaħaq għax il-fixers dejjem huma pass ‘il quddiem mill-awtoritajiet responsabbli. Minkejja dan, madwar id-dinja sar titjib kbir biex jiġi żgurat li kemm jista’ jkun persuna li tkun se twettaq reat ta’ match fixing jew titwaqqaf qabel ma jkollha ċ-ċans li twettaq ir-reat jew tinqabad immedjatament wara u tiġi mħarrka kif xieraq. Barra minn hekk, is-sanzjonijiet li qed jiġu imposti fuq it-trasgressuri huma dawk sostanzjali biex jaġixxu wkoll bħala deterrent għal oħrajn li setgħu kkunsidraw li jwettqu reat ta’ match fixing.

Malta ħolqot awtorità ġdida (Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti – AIMS) li hija responsabbli għall-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-integrità fl-isport Malti. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan?

Id-deċiżjoni tal-Gvern li joħloq din l-awtorità ġdida kienet pjuttost kuraġġuża u importanti fl-istess ħin. L-integrità fl-isport hija dejjem f’riskju madwar id-dinja. Li jkollok awtorità ddedikata bħal AIMS li tiffoka fuq il-protezzjoni tal-integrità fl-isport hija kruċjali.

Se jieħu ż-żmien biex kulħadd jidra li forsi jsib ruħu jeħtieġ li jissottometti aktar informazzjoni lill-Awtorità, madankollu l-benefiċċji jegħlbu l-inkonvenjent.

Jien konvint li l-Awtorità se taħdem għall-ġid ta’ kulħadd fl-isport u se tassigura li l-integrità fl-isport Malti tibqa’ tiġi mħarsa bl-aħjar mod possibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport