Sunday, January 18, 2026

“Malta kapaċi nifilħu għall-maltemp ġeopolitiku aħjar minn ħaddieħor” – Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana

Aqra wkoll

“Fejn tidħol Malta r-realtà hija differenti ħafna mill-bqija tal-Ewropa. Malta se tibqa’ l-aqwa performer fl-Unjoni Ewropea. Fejn jidħol it-tkabbir ekonomiku, filwaqt li l-Ewropa qiegħda tistinka għal tkabbir ta’ 1.4%, l-ekonomija Maltija mistennija tikber b’3.8% fl-2026. Dan huwa tkabbir ta’ tliet darbiet aktar mill-medja tal-UE. Fil-finanzi Pubbliċi qegħdin inkomplu nnaqqsu d-defiċit b’mod responsabbli. Id-dejn se jibqa’ madwar 47.2%, livell b’saħħtu ħafna u ferm taħt il-limitu tal-UE ta’ 60%. Rigward l-inflazzjoni lokali, se nkomplu nżommu l-prezzijiet stabbli b’rata ta’ 2.1% fl-2026.”

Qal dan lil IT-TORĊA l-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana f’intervista li tagħti ħarsa lejn it-tbassir ekonomiku għas-sena 2026 f’ċirkostanzi ġeopolitiċi instabbli.

“L-ekonomija globali se tkun waħda ta’ sfida”

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana beda jispjega kif, “quddiem il-kwistjonijiet ġeopolitiċi li qegħdin nesperjenzaw, l-ekonomija globali fl-2026 se tkun waħda ta’ sfida. L-ordnijiet globali li konna nafu fil-passat qegħdin jinbidlu b’mod fundamentali. It-tariffi ogħla u l-inċertezzi makroekonomiċi mhumiex se jisparixxu; anzi, se jsiru aktar evidenti matul is-sena d-dieħla. Dan se jpoġġi lill-ekonomija globali taħt tensjoni kontinwa u se jnaqqas il-momentum tal-kummerċ dinji. 

Insista li rridu nkunu realistiċi wkoll fejn tidħol il-gwerra fl-Ukrajna. “Din mhux se tieqaf malajr. Il-prossimità mal-kunflitt Russu-Ukren diġà dgħajfet il-prestazzjoni ekonomika tal-Unjoni Ewropea, speċjalment fl-Istati qrib il-front. Il-Peace Dividend li gawdiet minnu l-Ewropa għal snin twal spiċċa. Il-gvernijiet issa jridu jirrikonoxxu li l-infiq fuq id-difiża se jkollu jiżdied b’mill-inqas 1% tal-GDP kull sena u dan se jpoġġi pressjoni fiskali diretta fuq il-finanzi pubbliċi Ewropej”.

Huwa qal li fl-2026 l-Ewropa se tiffaċċja wkoll sfidi kbar ta’ tmexxija. Fi Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit, qegħdin naraw gvernijiet taħt assedju politiku. Dan joħloq riskju ta’ paraliżi f’mument fejn l-Ewropa teħtieġ tindirizza l-istaġnar ekonomiku tagħha u timla l-vojt tas-sigurtà li qiegħda tħalli l-Amerika.

“Fuq livell teknoloġiku, it-tellieqa għad-dominanza tal-AI qiegħda toħloq riskji finanzjarji serji. Il-biża’ hija li l-investiment eċċessiv qed joħloq “bużżieqa” (bubble) li tista’ tisplodi fl-2026, b’konsegwenzi negattivi fuq is-swieq kapitali globali. Kif qal il-Kummissarju Ġenerali tan-NU, António Guterres, din it-taħlita ta’ tensjonijiet qiegħda ssawwar mill-ġdid il-pajsaġġ globali u qiegħda tiġġenera vulnerabbiltajiet ġodda,” kompla l-Ministru Caruana.

Dwar jekk jarax li l-inflazzjoni terġa’ tgħolli rasha, il-Ministru Caruana kkwota numri li jindikaw li l-inflazzjoni globali se tkompli tikkalma, bi tbassir ta’ 3.1% fl-2026. Żied li, “fiż-Żona Ewro, l-inflazzjoni laħqet il-mira tal-Bank Ċentrali Ewropew ta’ 2% fl-aħħar tal-2025 u mistennija tibqa’ f’dak il-livell matul l-2026. Dan huwa sinjal ta’ stabbiltà, għalkemm il-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija se jibqgħu suġġetti għal xokkijiet esterni li rridu nibqgħu nissorveljaw”.

Ir-rapport tan-NU: “Jikkonferma dak li ili ngħid”

Dwar ir-rapport World Economic Situation and Prospects 2026, il-Ministru tal-Finanzi nsista li jikkonferma dak li ilu jgħid. Elabora li, “għalkemm id-dinja wriet reżiljenza, it-tkabbir globali fl-2026 huwa mbassar li jkun 2.7%. Dan mhux biss huwa inqas mit-2.8% tas-sena l-oħra, iżda huwa sinifikament taħt il-medja ta’ 3.2% li konna naraw qabel il-pandemija bejn l-2010 u l-2019.

Huwa qal li r-realtà hija li d-dinja nbidlet. L-instabbiltà li ġabet magħha l-inflazzjoni, il-gwerer u issa d-disruzzjoni teknoloġika tal-AI, ħolqu “normalità ġdida” fejn it-tkabbir huwa aktar batut u d-dejn globali huwa aktar għoli. Fiż-Żona Ewro is-sitwazzjoni hija aktar kkumplikata b’rata ta’ tkabbir mbassra li se tkun ta’ 1.2% biss għall-2026.

Spinta se tisparixxi…

Fid-dawl tal-effetti fuq l-ekonomija matul din is-sena mill-pandemija, gwerer tan-negozju, tariffi u rati ta’ interessi aktar baxxi, il-Ministru Caruana qal kif “is-sena li għaddiet rajna fenomenu fejn il-kumpaniji mlew l-imħażen tagħhom malajr biex jantiċipaw it-tariffi Amerikani (magħruf bħala front-loading). Dan ta spinta temporanja lill-kummerċ fl-2025, iżda fl-2026 dik l-ispinta se tisparixxi u se niffaċċjaw l-effett reali ta’ dawn il-miżuri. Il-momentum tal-kummerċ dinji mistenni jonqos b’mod konsiderevoli”.

Huwa qal li t-theddid tat-tariffi u trade wars mhumiex biss retorika iżda huma piż reali fuq l-ekonomiji li jiddependu fuq l-esportazzjoni. “Madankollu, f’Malta ħadna deċiżjoni konxja li nsaħħu l-ekonomija domestika u nżommu l-ispejjeż tal-enerġija stabbli biex nipproteġu lill-industrija u lill-familji. Filwaqt li r-rati tal-imgħax globali qed jibdew neżlin bil-mod, il-kundizzjonijiet finanzjarji se jibqgħu “tight” u dixxiplinati”.

Kif se jgawdi l-poplu Malti? 

Finalment il-Ministru tal-Finanzi speċifika li l-ekonomija mhix biss numri fuq karta, iżda kif se taffettwa l-bwiet tan-nies. Qal li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-ispending power tal-familji u l-pensjonanti Maltin permezz ta’ taħlita ta’ tnaqqis storiku fit-taxxi, żieda fid-dħul reali, u l-għoti ta’ sussidji li jassiguraw l-istabbiltà u kwalità ta’ ħajja aħjar.

“Il-pożizzjoni unika ta’ Malta, b’ekonomija diversifikata u finanzi fis-sod, tfisser li għandna l-kapaċità li nifilħu għall-maltemp ġeopolitiku aħjar minn ħaddieħor u nkomplu ngħaddu l-frott ta’ dan it-tkabbir lura lill-poplu permezz ta’ tnaqqis fit-taxxa u iktar investiment soċjali,” temm il-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport