Malta mhux biss qiegħda tkun fuq quddiem nett fl-għoti tad-drittijiet ċivili, imma issa wkoll qed tkun ta’ eżempju għal pajjiżi oħra fejn jirrigwardja l-użu responsabbli tal-kannabis. Dan kollu qed jirriżulta mill-mod kif pajjiżi oħra qegħdin iħarsu lejn Malta u kważi jikkuppjaw il-liġi li għaddiet fl-2021.
Fl-aħbarijiet barranin tħabbar li l-Ġermanja approvat abbozz ta’ liġi li jillegalizza x-xiri u l-pussess f’ammonti żgħar ta’ kannabis għall-użu rikreattiv. Fil-fehma tagħna, dan kollu jġib fix-xejn il-kritika li kienet saret minn bosta illi l-liġi li adottat Malta kienet se żżid u mhux tnaqqas l-użu tad-droga f’pajjiżna.
Bil-liġi preżenti, Malta saret l-ewwel pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea li illegalizzat l-użu responsabbli tal-kannabis. Mhux talli Malta ma ġietx kritikata fuq livell Ewropew, imma issa l-Ġermanja, l-akbar ekonomija fl-UE, qed tadotta dak li Malta adottat sentejn ilu.
Hawn ta’ min jinnota li Malta f’ċerti oqsma saret mexxejja tant li pajjiżi oħra qed isegwu l-passi tagħha. Għandna għax nifhmu li l-abbozz ta’ liġi li hemm ippreżentat quddiem il-Parlament Ġermaniż se jippermetti lill-adulti sabiex ikollhom sa 25 gramma ta’ kannabis. Dan l-ammont huwa ferm ogħla minn dak li tippermetti l-liġi Maltija li hija ta’ seba’ grammi fuq il-persuna.
Hawnhekk ukoll joħroġ il-fatt li meta nikkumparaw il-liġi ta’ Malta ma’ dik kif proposta fil-Ġermanja, il-liġi Maltija hi aktar restrittiva u dan bil-għan li twassal biex titnaqqas il-ħsara li tista’ ssir fuq il-persuna mill-abbuż tad-droga. Madankollu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-abbuż mid-droga jibqa’ ħażin għas-saħħa tal-persuna.
Min-naħa l-oħra, tajjeb ninnutaw illi l-liġi Ġermaniża kif proposta se taħseb ukoll biex jinħolqu ‘clubs’ tal-kannabis mingħajr skop ta’ qligħ, prinċipji simili għal dak li adottat Malta bit-twaqqif ta’ assoċjazzjonijiet.
Għalhekk nerġgħu nistqarru li l-kritika li kienet saret kontra l-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis ma kienet xejn għajr bl-iskop li tbeżża’ u li toħloq ansjetà fost in-nies.
Ikunu x’ikunu r-raġunijiet, pajjiżna ma jistax jaħrab mir-realtajiet tal-mument. L-għan ewlieni f’moħħna dejjem jibqa’ dak li bir-riforma tingħata daqqa lis-suq illegali tat-traffikar u se jkun assigurat li l-kannabis ma tkunx imħallta b’sustanzi aljeni li jkunu ta’ periklu għas-saħħa ta’ min jużaha.