Sunday, December 22, 2024

“Malta kienet, għadha u se tibqa’ tippromwovi l-paċi” – Il-Ministru Ian Borg

Aqra wkoll

“Malta kienet, għadha u se tibqa’ tippromwovi l-paċi biex kemm jista’ jkun malajr naraw li jintemm il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna”, saħaq il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt laqgħa bilaterali mal-Ministru Federali għall-Unjoni Ewropea u l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, Karoline Edtstadler.

Matul il-laqgħa kienu diskussi bosta suġġetti ta’ interess għaż-żewġ pajjiżi. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg tkellem rigward l-aħħar żviluppi fil-kunflitt tal-Ukrajna u spjega li Malta temmen li hemm bżonn ta’ aktar żviluppi diplomatiċi milli sforzi militari. Għal darb’oħra, reġa’ esprima s-solidarjetà ta’ Malta mal-Ukrajna u qal li pajjiżna se jkun qed ikompli jadotta s-sanzjonijiet maqbula fuq livell ta’ Unjoni Ewropea.

Dr Borg tkellem ukoll dwar is-suġġett tal-migrazzjoni mal-Ministru Edstadler. Huwa tenna li Malta se tkun qed tibqa’ tmexxi ’l quddiem il-pożizzjoni tagħha u talab lill-Awstrija biex anke fuq fora internazzjonali jkunu solidali ma’ pajjiżna u jappoġġaw mekkaniżmi differenti ta’ rilokazzjoni.

Il-Ministru Borg tkellem ukoll dwar il-kandidatura ta’ Malta għal siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda li se tkun qed tiffoka fuq tliet temi prinċipali: is-Sigurtà, is-Sostenibbiltà u s-Solidarjetà.

Il-Ministru Karoline Edtstadler sostniet li huwa ta’ pjaċir għaliha li ttemm it-‘Tour de Capital’ tagħha f’pajjiżna b’din iż-żjara uffiċjali. Hija awgurat kull suċċess lill-Ministru Borg fil-kariga l-ġdida tiegħu u saħqet li Malta u l-Awstrija għandhom ħafna in komuni u b’hekk temmen li hemm lok biex iż-żewġ pajjiżi jintensifikaw il-ħidma bilaterali tagħhom flimkien f’bosta oqsma.

Saħqet li Malta u l-Awstrija lkoll iħaddnu l-prinċipju tan-newtralità fil-kostituzzjoni tagħhom u se jaraw li jkomplu jaħdmu favur aktar kollaborazzjoni u tisħiħ ta’ dan il-prinċipju, aktar minn qatt qabel. Il-Ministru Borg u l-Ministru Edstadler qablu li għandu jkun hemm aktar inizjattivi sabiex in-newtralità tal-pajjiżi tkompli tissaħħaħ.

Ekonomija

Sport