Fix-xena internazzjonali għadna naraw kunflitti li l-impatt tagħhom għadu jinħass sew. Minn dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani, l-invażjoni Russa tal-Ukrajna sa dak li rajna riċentament iseħħ fil-Venezwela. Minkejja d-diversi tentattivi li qed isiru, xorta għadhom jintilfu l-ħajjiet. Għalhekk huwa meħtieġ illum iktar minn qatt qabel li l-komunità internazzjonali tibgħat messaġġ qawwi li l-kunflitti għandhom jintemmu sabiex tirrenja paċi dejjiema.
Dan l-appell Malta ilha tagħmlu, fosthom anke waqt id-diskorsi li saru waqt l-iskambju tal-awguri għas-sena l-ġdida mal-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditat għal Malta kemm mill-Eċċellenza tagħha l-President Myriam Spiteri Debono kif ukoll mill-Prim Ministru Robert Abela.
Anke fi ħdan l-Unjoni Ewropea, Malta baqgħet vuċi favur il-paċi u d-djalogu. Pajjiżna kkontribwixxa b’mod kostruttiv u tanġibbli għall-isforzi tal-Unjoni fil-konsolidazzjoni tal-paċi u l-għajnuna umanitarja. Meta pajjiżna għamel dan, ma neħħiex minn quddiem għajnejh l-obbligi Kostituzzjonali u kienu salvagwardjati l-parametri sovrani li ilhom jinżammew fit-tul.
Mill-banda l-oħra, l-iżviluppi riċenti fil-Venezwela enfasizzaw il-fragilità tad-dritt internazzjonali. Din il-kriżi fakkret fir-responsabbiltà ta’ kull stat u mexxej biex jipproteġu d-drittijiet umani taċ-ċittadini tagħhom u biex jiżguraw li r-riżultati elettorali jiġu rispettati permezz ta’ tranżizzjonijiet paċifiċi u demokratiċi.
Nemmnu li f’dan il-mument, hemm bżonn ta’ rispett, kalma u moderazzjoni sabiex ir-reazzjonijiet ma jaggravawx is-sitwazzjoni tal-poplu Venezwelan, u jgħinu biex jiġu ssalvagwardjati l-ambjent demokratiku li jistħoqqilhom biex jgħixu u jirnexxu fih.
Bl-istess mod, il-komunità internazzjonali ma tistax tagħlaq għajnejha għall-kunflitti f’inħawi oħra tad-dinja fosthom fl-Afrika, il-Lvant Nofsani u lil hinn, b’mod partikolari s-Sudan, is-Sirja, il-Jemen, ir-Repubblika Demokratika tal-Congo, l-Afganistan, il-Haiti u l-Myanmar.
Fl-isfond ta’ dan kollu, għalkemm is-sena li għaddiet kienet waħda impenjattiva ferm fix-xena internazzjonali, iddominata minn żviluppi kontinwi, Malta kompliet turi li qiegħda taħdem b’diliġenza fit-tfittxija tagħha għall-paċi u d-djalogu internazzjonali. Nemmnu li dan kollu Malta se tkompli tagħmlu anke f’din is-sena ġdida u fis-snin li ġejjin, u b’hekk tibqa’ vuċi b’saħħitha favur il-paċi u l-istabbiltà dinjija.

