Friday, December 27, 2024

Malta kontra li tonqos l-età tal-liċenzja tas-sewqan

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Malta ma taqbilx li tnaqqas l-età tal-liċenzja tas-sewqan tal-karozzi għal 17-il sena. Din id-deċiżjoni tikkontradixxi l-isforzi ta’ Malta dwar is-sigurtà, l-konġestjoni u d-dekarbonizzazzjoni”.

Hekk sostna l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, waqt il-Kunsill tal-Ministri għat-Trasport fi Brussell. Minkejja li ħafna mill-Istati Membri l-oħra qablu ma’ din il-proposta, pajjiżna ma tax l-appoġġ tiegħu.

Din il-proposta issa mistennija tiġi nnegozjata mal-Parlament Ewropew.
Waqt id-diskussjoni dwar it-tnaqqis obbligatorju tal-età tal-liċenzja tas-sewqan, il-Ministru Farrugia insista li din id-deċiżjoni għandha tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri b’mod individwali.

Rigward il-pakkett tas-sigurtà fit-toroq, Malta laqgħet it-titjib li sar f’dan ir-rigward fejn se jkun hemm skambju ta’ informazzjoni dwar reati tas-sigurtà fit-toroq u miżuri oħra bħal fost l-oħrajn tolleranza żero għas-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol u regoli ta’ ttestjar aġġornati.

Appoġġ ġenerali fuq seba’ proposti oħra

Waqt il-laqgħa ntlaħaq appoġġ ġenerali fuq seba’ proposti fi ħdan il-pakketti dwar is-Sigurtà Marittima, l-Merkanzija Ekoloġika u s-Sigurtà fit-Toroq, filwaqt li ġew diskussi wkoll emendi għall-waqfien temporanju f’servizzi tat-trasport tal-passiġġieri.

Barra minnhekk Malta, flimkien mal-Kroazja, Ċipru, il-Greċja, l-Italja u l-Portugall, esprimew tħassib dwar l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-EU-ETS fuq is-settur marittimu u r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

F’ittra lill-Kummissarji Šefčovič, Valean u Hoekstra, talbu għal miżuri korrettivi urġenti biex jimmitigaw l-effetti negattivi fuq il-portijiet tal-UE u l-ekonomiji tal-Istati Membri.

Il-Ministru Aaron Farrugia min-naħa tiegħu enfasizza l-importanza tal-bilanċ fl-ETS tul in-negozjati li għaddejjin. Malta rrikonoxxiet il-konsiderazzjoni tat-tħassib tagħha fil-Pakkett tas-Sigurtà Marittima u sosniet il-ħtieġa li tiġi bbilanċjata l-kompetittività tas-settur tat-tbaħħir tal-UE ma’ settur tat-trasport marittimu sigur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

Ekonomija

Sport