Saturday, September 13, 2025

Malta l-aqwa fl-Ewropa fid-drittijiet għall-LGBTIQ+

Aqra wkoll

F’perjodu ta’ 12-il sena, Malta għamlet bidla radikali fid-drittijiet ċivili tant li pajjiżna jinsab fil-quċċata tad-drittijiet għall-persuni LGBTIQ+.  Għal għaxar snin konsekuttivi, Malta tinsab fil-quċċata tal-ILGA-Europe Rainbow Map, xhieda tar-riformi leġislattivi u l-impenn ta’ Gvern Laburista li għamlu dan kollu possibbli.

Il-bidla saret b’pass rapidu wara l-2013, bil-Partit Laburista fil-Gvern beda jintroduċi liġijiet rivoluzzjonarji bħaż-żwieġ ugwali, rikonoxximent legali tal-ġeneru, projbizzjoni ta’ prattiċi ta’ konverżjoni u aċċess ugwali għall-IVF u għad-donazzjoni tad-demm. Dawn ir-riformi mhux biss poġġew lil Malta fuq quddiem nett, iżda sirna wkoll xempju għal pajjiżi oħra Ewropej.

Il-progress ma kienx possibbli mingħajr il-ħidma ta’ għaqdiet bħal Malta LGBTIQ+ Rights Movement (MGRM), l-Allied Rainbow Communities, Drachma, Drachma Parents, u LGBTIQ+ Gozo kif ukoll attivisti u ġenituri li taw vuċi lill-komunità. Il-Pride f’Malta u f’Għawdex illum jiġbor eluf ta’ nies, rifless ta’ soċjetà li qed issir aktar miftuħa u inklussiva.

Fl-istess waqt, il-Partit Laburista fil-Gvern kompla jsaħħaħ is-servizzi ta’ appoġġ permezz tas-servizz LGBTIQ+ Wellbeing u bil-pjanijiet għal ċentru komunitarju fil-Belt Valletta. Dawn l-inizjattivi għandhom l-għan li jipprovdu spazju sigur u servizzi prattiċi għall-komunità.

Minkejja l-progress, għad hemm sfidi bħal mhi d-diskriminazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum. Għaldaqstant, Malta tibqa’ impenjata li tkompli tinvesti fl-edukazzjoni, fil-ġlieda kontra l-preġudizzju u fil-promozzjoni tad-drittijiet umani universali.

Il-vjaġġ ta’ Malta jibqa’ xhieda ta’ tama u kuraġġ: prova li bi tmexxija determinata u attiviżmu soċjali, il-pajjiż jista’ jinbidel u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport