Saturday, November 23, 2024

Malta l-ewwel pajjiż li jittrasponi d-direttiva Anti-SLAPP tal-Unjoni Ewropea

Aqra wkoll

Il-Gvern Malti qiegħed ikun għal darb’oħra jkun katalist tal-bidla favur l-aħjar interessi tal-ġurnalisti u dan permezz tat-traspożizzjoni tad-direttiva dwar il-Kawżi Strateġiċi Kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ħabbar li ġiet ippubblikata l-ordni li tittrasponi d-direttiva dwar il-Kawżi Strateġiċi Kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika taħt l-Att dwar l-Unjoni Ewropea, Kapitolu 460.

Din l-ordni ser tkun qed tintroduċi diversi rimedji u salvagwardji u ser tapplika għal kwistjonijiet ta’ natura ċivili jew kummerċjali b’implikazzjonijiet transfruntieri mressqa fi proċeduri ċivili, inklużi proċeduri għal miżuri interim u kawtelatorji u kontrotalbiet, irrispettivament min-natura tal-Qorti jew tribunal kompetenti.

L-ordni tistabbilixxi li l-proċeduri tal-Qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika tfisser proċeduri tal-Qorti li ma jitressqux sabiex jasserixxu jew jeżerċitaw ġenwinament dritt, iżda li għandhom bħala l-iskop ewlieni tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew il-penalizzazzjoni tal-parteċipazzjoni pubblika, fejn spiss jisfruttaw żbilanċ ta’ poter bejn il-partijiet, u li jsegwu talbiet infondati.

Is-salvagwardji u rimedji prinċipali li ser ikunu introdotti permezz tat-traspożizzjoni tad-direttiva huma:

  • Garanzija għall-ispejjeż stmati tal-proċeduri;
  • Iċ-ċaħda bikrija tal-każ jekk il-Qorti tkun konvinta li t-talba hija manifestament infondata;
  • F’każijiet fejn il-Qorti tiddikjara l-proċeduri bħala abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, hija għandha tgħaddi sabiex tikkundanna lill-attur iħallas lill-konvenut l-ispejjeż legali kollha tal-kawża.
  • Il-Qorti tista’ ukoll timponi penali dissważiva fuq l-attur f’ammont li ma għandux jeċċedi l-għaxart elef ewro (€10,000)

L-ordni tistabbilixxi wkoll li kwalunkwe persuna li tiġi affaċċjata fi proċeduri li għalihom japplika din l-ordni, għandha tkun eliġibbli għall-għajnuna legali skont kif provdut fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.

Il-Ministru Attard saħaq li din id-direttiva waslet wara numru ta’ diskussjonijiet fuq livell Ewropew fejn il-Gvern Malti kien attiv bil-kontribut fid-diversi laqgħat, inkluż fil-Kunsill tal-Ministri. Attard tenna li konsistentament il-Gvern appella biex din id-direttiva tkun waħda ambizzjuża u li tibqa’ leali lejn il-proposta tal-Kummissjoni u li ma tiddgħajjifx fil-proċess tal-istess negozjati.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni spjega li issa li Malta hija l-ewwel pajjiż li qed tittrasponi d-direttiva u ser tara li tkun parteċipi u ta’ assistenza lejn pajjiżi oħra, kif ukoll il-pass li jmiss issa huwa li tiġi mnedija l-konsultazzjoni pubblika fuq ir-rapport tal-Kumitat tal-Esperti tal-Midja biex inkomplu nsaħħu il-qafas li jipproteġi l-libertà tal-midja u l-ġurnaliżmu.

Sport