Naf ċert li dak li kellu f’moħħu l-Perit Mintoff meta qal li, “Malta l-ewwel u qabel kollox” kien proprju dak li qed jagħmel il-Prim Ministru tal-lum, Robert Abela – dik li l-familja hija fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Għax ejja ngħiduha kif inhi: Malta u Għawdex min huma? La huma l-ġebel, la l-widien, la t-toroq, la r-ramel u lanqas il-blat. Huma l-familji bil-forom tagħhom kollha.
Huwa l-Gvern ta’ Abela li ħadem u qed jaħdem biex il-familja tagħna timxi ’l quddiem u ntejbu l-livell tal-għajxien tagħna. Mhux bil-paroli, għax mill-paroli kulħadd jgħid li jrid; bil-fatti u l-akbar prova li għandna hija l-budget li għadu kemm ġie ppreżentat.
In-Nazzjonalisti
X’differenza bejn iż-żewġ partiti prinċipali! Għandi naqra xahar griż u sa issa għadni b’memorja tajba. Ejja ngħidu l-verità: kemm il-wegħdiet għamlulna qabel l-elezzjoni u kif tgħaddi l-elezzjoni jġibu miljun skuża biex dak li jkunu wegħdu ma jsirx. Dejjem jġibu skuża bis-sitwazzjoni internazzjonali u jgħidulna: “Tippretendux li jekk fl-Ewropa jkun hemm il-maltemp, Malta se jkun hawn il-bnazzi!” u jġibu miljun skuża biex dak li jkunu wegħdu ma jsirx.
Il-Labour differenti. Iwiegħed ħaġa u jagħmel ħafna u ħafna iktar milli jkun wiegħed. Hemm diversi eżempji ta’ dan u naf ċert li l-qarrejja intelliġenti ta’ IT-TORĊA kollha jafu b’dawn l-eżempji. Li nista’ ngħid huWA li l-poplu, mal-Prim Ministru Abela u l-Gvern Laburista, jafu fejn qegħdin. Jafu li l-gvern jagħmel dak kollu possibbli biex isaħħaħ l-ekonomija Maltija, ħalli jkollna l-flus biex inkunu nistgħu nkomplu nqassmu l-ġid lill-poplu tagħna.
Gvern li jwiegħdek kemm jiflaħ u jagħtik
Illum, jekk ħallast iżżejjed taxxa taf li se tirċievi l-flus lura. Taf li għandek bonus jekk għandek it-tfal għadhom jistudjaw u għandhom aktar minn 16-il sena. Taf li kif jaqbeż Ottubru se tirċievi bonus speċjali biex inħeġġu l-bżulija. Taf li dan huwa Gvern li jwiegħdek kemm jiflaħ u jagħtik, għax dak li jwiegħed ikun ikkalkulat li jista’ jagħtih u mhux bħall-wegħda li għadu kif għamel Dr Alex Borg li lanqas jaf kemm ġejjin jiswew u ma jafx minn fejn se jġib il-flus għalihom. Mhux sew li tipprova tidħaq bin-nies, u aħna qatt ma nippruvaw nitqgħu bil-poplu Malti u Għawdxi.
Ħalli jgħidu kemm aħna iebsa u li aħna m’aħniex qisna Father Christmas inwiegħdu kollox lil kulħadd. Imma aħjar hekk milli mod ieħor. Għalina l-poplu Malti huwa l-poplu tagħna, u nimxu miegħu b’regola tad-deheb: bil-mod li rriduhom jimxu magħna, aħna nimxu magħhom. Allura aħna ma nistgħux nitqgħu b’ħadd.
Nemmnu tassew li l-irġulija, bħal verġinità, darba titlifha u kif titlifha ma tistax iġġibha lura qatt. Għalhekk, meta nagħmlu wegħda tkun l-ewwel imsawra mix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tal-poplu; wara tiġi kkalkulata kemm tiswa u minn fejn nistgħu nġibu l-flus għaliha. Jekk nistgħu nagħmluha finanzjarjament, allura nwegħduha u nagħmluha.
X’differenza!
Il-Partit Nazzjonalista s-sena l-oħra qal li se jagħmel pre-budget document. Ġabar l-għorrief tiegħu kollha u qallhom: “agħmluli dan id-dokument” u għamlu dokument ta’ qabel il-budget. Dan ifisser li kieku l-PN kien fil-gvern, x’kien sejjer jagħmel flok il-budget tal-Labour għas-sena l-oħra. Tad-daħk!
Meta dan id-dokument wasal għand min jifhem daqxejn iktar minn dawk li għamluh, qallu: “Isma’, dan id-dokument fqir ta’!”. Anzi, fi kliemhom sewwa, qallu, “fejn hu s-sugu li tridu twasslu?”. “Upps, bla sustanza,” qallu ħabib u allura qishom waqgħu ftit għaċ-ċajt.
Ma nistax ngħid jekk dak li għamel dan id-dokument kienx intenzjonat li jagħmel dokument ta’ qabel il-budget b’bażwi, ħalli intenzjonalment iwaqqa’ taċ-ċajt lil Dr Bernard Grech jew le. Li naf hu li waqqgħu taċ-ċajt.
Jien ukoll naf li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet u ċirkostanzi fejn dawk li jkunu qed iduru ma’ xi mexxej, biex dak il-mexxej jagħmel azzjoni li twasslu biex ikollu disfatta, jagħtuh pariri ħżiena. Ma nafx jien min kienet l-id moħbija li kienet qed tagħmel is-suntaggi fi żmien Dr Grech u x’agenda kellha moħbija. Forsi maż-żmien toħroġ iktar informazzjoni.
Imma issa din is-sena, wara li s-sena l-oħra ġara dak li ġara u ma sabu l-ebda ċanga fid-dokument tal-PN, din is-sena ma għamlu xejn u allura ma setgħux jagħmlu żbalji. Għax għal dawn, min jaħdem jiżbalja u allura min ma jagħmel xejn ma jiżbaljax.
Din hija differenza kbira bejn iż-żewġ partiti prinċipali. Tiftakru fil-pandemija? Il-Gvern Laburista ħadem kemm felaħ biex ra Malta u Għawdex bl-aħħar teknoloġija, injezzjonijiet, u dak kollu li kien hemm fis-suq biex il-poplu ma jbati xejn minn dak li kienet għaddejja minnu d-dinja.
U l-PN kellu l-ikbar kolp ta’ stat u gwerra interna biex itajru lill-kap li kellhom u s-17-il eroj blu li kellhom f’moħħhom li jbiddlu l-kap. Marru għal xi ħadd u għal ftit ma għamlux “history fuq history”, għax kienu sejrin ikollhom l-ewwel mara mexxejja. Imma ftit wara reġgħu dawwru kollox, għax skont l-informazzjoni li għandi, Dr Azzopardi ma rnexxilux jikkonvinċi lil Dr Grech biex ma jikkontestax, u allura kellhom jirtiraw in-nomina tal-ewwel mara li setgħet saret il-kap tal-PN. Le, mhux għal Dr Hope qed ngħid, imma kien hemm oħra.
Din id-darba l-istess: il-PN ma għamel l-ebda dokument ta’ qabel il-budget, għax ma ridux li l-poplu jkun jista’ jqabbel x’qed jagħmel il-Gvern Laburista ma’ dak li kieku kienu fil-gvern huma kienu jagħmlu u allura ma għamlu l-ebda dokument. Tajba, hux? Min jaħdem jiżbalja, allura ma jaħdmux ħalli ma jiżbaljawx.
Budget 2026: Ċert li kulħadd se jgawdi xi ħaġa minnu
Dan il-budget jibda jissarraf f’Jannar li ġej u naf ċert li kulħadd se jgawdi xi ħaġa minnu. Ċert u ċertissimu! Xi ħaġa għal kulħadd – mit-trabi tat-twelid sal-iktar anzjani li għandna fis-soċjetà.
Ħalli nsemmi xi ħaġa li kulħadd qed jgawdi minnha. Il-Gvern tal-Labour fl-2014 raħħas il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma b’80 miljun. Vera, il-Labour fil-Gvern tant għamel affarijiet li nibdew ninsew x’għamel! Ġab l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-fjuwil u tal-gass. Sinjuri, sinjuri – dawk il-prezzijiet mhux talli baqgħu bil-prezzijiet wara s-sussidju tal-80 miljun, talli llum il-Prim Ministru Abela reġa’ daħħal forcina biex dawn il-prezzijiet ma jogħlewx u investa mal-biljun ewro fl-aħħar tliet snin biex ikollna stabbiltà f’dawn il-prezzijiet.
Jekk hawn xi ħadd li ma jużax il-fjuwil għall-karozza, gass biex isajjar, jew dawl u ilma fid-dar tiegħu, allura jista’ jgħid li ma ħa xejn. Imma, jekk kulħadd juża d-dawl, ilma, fjuwil għall-karozza u gass biex isajjar, allura kulħadd gawda xi ħaġa.
Għalhekk, il-familja hija fiċ-ċentru tal-politika ta’ gvern Laburista. Għalhekk aħna l-partit tal-familja, l-ewwel u qabel kollox u nħossuna komdi u minn qalbna ngħidu li Malta l-ewwel u qabel kollox.

