Għaliex il-kampanja ta’ ħsara kontinwa fejn tikkonċerna r-reputazzjoni ta’ pajjiżna tagħmel aktar ħsara lil Malta milli lill-Partit Laburista?
Meta l-Partit Nazzjonalista (PN) eleġġa lil Alex Borg bħala kap nhar is-6 ta’ Settembru 2025 b’maġġoranza minima ta’ 44 vot, wegħedna bidu ġdid: wiċċ ġdid, ton ġdid, u serjetà lejn l-interess nazzjonali. Għaddew biss ftit xhur, l-istil ma nbidel xejn, anzi, il-messaġġ baqa’ wieħed l-istess. Il-fokus tal-PN baqa’ kampanja kontinwa biex jiddegrada r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, mhux biss tal-gvern. Dan m’huwiex rinnovament; dan huwa riċiklaġġ tat-tattiċi li ilhom iżommu lill-PN fil-periferija tas-sfera politika Maltija għal dawn l-aħħar snin.
Irrid inkun ċar: l-iskrutinju għandu jkun iva, l-Oppożizzjoni viġilanti hija essenzjali għal governanza tajba. Iżda Malta ma tistax taffordja politika ta’ tmaqdir kontinwu: politika li tipprova tirridikolha kull inizjattiva li jressaq il-Gvern. Din mhiex politika serja, iżda kuntrarjament hija demoralizzazzjoni nazzjonali. Toħloq dubju, mhux fiduċja u dan l-istess dubju li fl-aħħar mill-aħħar qiegħed jolqot ħażin ħafna lill-PN stess.
Minn da inhar tal-ħatra tiegħu, il-kap tal-PN dejjem żied id-doża tal-ispettaklu u naqqas dik tas-sustanza. Diskors wara ieħor xejn ħlief atti teatrali. Minn partit li jgħid li jitkellem f’isem il-“maġġoranza siekta”, qed jidher aktar evidenti li mhux qed jisma’ tassew il-bżonnijiet veri tal-poplu. Kuntrarjament għal dan l-atteġġjament, il-Partit Laburista fil-Gvern reġa’ welled Fiduċja u Progress għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
F’dawn l-aħħar 12-il sena…
F’dawn l-aħħar 12-il sena rajna mewġa ta’ tkabbir ekonomiku, ġustizzja soċjali u opportunitajiet wiesgħa għal uliedna.
Meta nħarsu lura għal meta l-poplu Malti għażel direzzjoni ġdida fl-elezzjoni ġenerali tal-2013, kien jaf li l-pajjiż kellu bżonn bidla li tħares ’il quddiem. Il-prijorità kienet waħda ċara – dik li jinħoloq xogħol stabbli, titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji u tiġi mmodernizzata l-infrastruttura soċjali.
Illum, aktar minn 12-il sena wara dik il-ġurnata, il-bidliet pożittivi huma viżibbli madwar kull rokna ta’ Malta u Għawdex. Għandna ekonomija bbażata fuq il-ħidma u l-bżulija. Bejn l-2013 u l-2025, Malta għaddiet minn tkabbir ekonomiku li ma niddejjaqx ngħid li jista’ jitqies bħala wieħed storiku. Ir-rata tal-impjiegi fost il-popolazzjoni attiva żdiedet għal madwar 83%, waħda mill-ogħla fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li r-rata tal-qgħad niżlet għal madwar 3% – li hija kkunsidrata fost l-inqas fl-Ewropa.
Dan ma seħħx b’kumbinazzjoni. Sar permezz ta’ politika li għamlet ix-xogħol aċċessibbli għal kulħadd – inkluż ġenituri, nisa u anzjani – kienet kruċjali biex jinħoloq bilanċ bejn il-ħtiġijiet tas-suq u l-ħiliet tan-nies. Minkejja diversi sfidi globali bħall-pandemija u l-inflazzjoni internazzjonali, Malta rnexxielha żżomm soda l-istabbiltà, tkabbir ekonomiku kostanti u bilanċ fiskali relattivament b’saħħtu.
Il-familja fil-qalba tal-politika soċjali
L-istorja tal-progress Malti f’dawn l-aħħar snin ma tistax tinqara mingħajr ma tissemma l-miżura li forsi hi l-aktar waħda li bidlet il-ħajja ta’ ħafna familji Maltin u Għawdxin: u din hija l-famuża ‘Childcare’ b’xejn għal ġenituri li qed jaħdmu jew jistudjaw. Din il-politika, imnedija fl-2014, tat lil eluf ta’ nisa l-opportunità li jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol u żiedet b’mod sinifikanti r-rata ta’ parteċipazzjoni femminili. Kienet miżura li għaqqdet fattur importanti ħafna u jiġifieri dak ekonomiku ma’ dak uman.
Fl-istess ħin, ġew introdotti miżuri oħra dwar il-paga minima li komplew itejbu l-paga ta’ dawk li jaħdmu f’pożizzjonijiet aktar baxxi, fosthom billi ż-żieda ssir fuq aġġustamenti tal-għoli tal-ħajja (COLA). Dawn it-tip ta’ ftehim ġew iffirmati bi qbil u kunsens bejn il-Gvern, l-unjins u assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem. Dawn kienu prova oħra ċara ta’ kif id-djalogu soċjali jista’ jwassal għal riżultati konkreti u stabbli.
Gvern Laburista ħadem fuq riformi sħaħ fil-familja u s-saħħa riproduttiva.
Politika mfassla oħra li ħalliet impatt profond kienet dik tal-IVF. Fl-2013, il-Gvern beda joffri dawn it-tip ta’ trattamenti b’xejn fi sptarijiet pubbliċi, u fl-2018 sar pass ieħor ’il quddiem: fejn ġie estiż l-aċċess għall-IVF lil koppji tal-istess sess, nisa waħedhom u sar legali wkoll l-iffriżar tal-embrijuni. Aktar riċentement, ġew introdotti testijiet ġenetiċi qabel it-tqala f’każijiet aktar speċifiċi.
Din kienet politika li marret lil hinn mill-mediċina. Kienet politika li għamlet dikjarazzjoni skjetta ta’ empatija, xjenza kif ukoll ta’ ugwaljanza.
Gvern Laburista introduċa wkoll trasport ppubbliku b’xejn. Dan kien pass ieħor għal aktar sostenibbiltà u ġustizzja.
Fl-2022, Malta saret wieħed mill-ewwel pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li introduċa trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd. Din il-miżura, li tapplika għal kull min għandu karta Tallinja personali, tat spinta ekonomika oħra lill-familji kollha u fl-istess ħin kienet pass importanti sabiex naħdmu iżjed lejn politika ambjentali aktar nadifa. Din l-inizjattiva turi biċ-ċar kif politika soċjali tista’ tkun ukoll miżura ta’ sostenibbiltà: tnaqqas l-ispejjeż, ittejjeb il-kwalità tal-arja u tħeġġeġ lill-poplu jagħżel mezzi ta’ trasport aktar ekoloġiċi.
Gvern Laburista ħadem ukoll għall-progress fid-drittijiet ċivili
Il-progress ekonomiku kien akkumpanjat minn rivoluzzjoni sħiħa fil-qasam tad-drittijiet. Fl-2015, il-Liġi dwar l-Identità u l-Esperjenza tal-Ġeneru għamlet lil Malta bħala ‘Leader’ Ewropew f’dak li għandu x’jaqsam ma’ drittijiet ta’ persuni trans jew intersesswali. Fl-2017 ġie legalizzat ukoll iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, u fl-2016 Malta saret l-ewwel pajjiż Ewropew li pprojbixxa l-hekk imsejħa “conversion therapy”. Dawn il-passi u miżuri komplew jikkonfermaw li pajjiżna m’għadux jara d-drittijiet bħala privileġġi, iżda bħala prinċipji fundamentali ta’ demokrazija moderna.
Reżiljenza fi żminijiet ta’ kriżi
Il-pandemija kienet ‘test’ iebes li laqat lil kull ekonomija fuq livell globali. Iżda l-miżuri li ttieħdu mill-Gvern Laburista fost oħrajn, mill-għajnuna lill-intrapriżi sal-kontroll tal-prezzijiet tal-enerġija. Dawn għenu qatigħ biex Malta tkun tista’ tirkupra b’rata aktar mgħaġġla. L-impjiegi reġgħu telgħu, ir-rata tal-qgħad baqgħet baxxa u l-kunfidenza fil-futur ekonomiku reġgħet ssaħħet.
Il-Gvern Laburista żamm impenn sħiħ biex iżomm il-paga minima u l-benefiċċji soċjali f’livelli li jipproteġu l-ħajja ta’ kuljum tan-nies u fl-istess waqt żamm l-investiment pubbliku f’setturi strateġiċi bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-infrastruttura.
X’għaqqad is-suċċess?
Hemm tliet fatturi prinċipali li sprunaw dan il-progress:
- * Politika soċjali integrata fejn kull miżura kienet parti minn pjan koordinat: li tgħin lin-nies ikomplu jaħdmu, jgħixu aħjar u jkabbru l-potenzjal tagħhom;
- * Approċċ proattiv lejn l-ekonomija li jħaddan setturi ġodda bħal teknoloġija, servizzi finanzjarji, logħob onlajn u avjazzjoni.
- * Valuri bħala strateġija li jpoġġu r-rispett, id-dinjità u l-ugwaljanza fuq quddiem bħala pedament sod għal Malta moderna.
Lejn il-futur
Illum il-ġurnata nistgħu ngħidu li Malta tinsab fi stadju fejn għandha l-potenzjal li tikkonsolida dak kollu li nkiseb. L-isfida hija li nżommu t-tkabbir ekonomiku flimkien ma’ produttività ogħla u titjib fil-kwalità tal-ħajja.
Il-pajjiż illum huwa eżempju ta’ kif żgħir jista’ jfisser kbir. Pajjiż li għaqqad il-progress ekonomiku mal-ġustizzja soċjali, u li fi tnax-il sena biss, biddel il-fiduċja tan-nies fihom infushom u f’direzzjoni pożittiva tal-pajjiż.
Dan huwa l-veru mod tal-bidla. Dan huwa l-veru mod ta’ kif tistma lill-poplu tagħna -Malta moderna, inklussiva u sostenibbli, mibnija fuq ix-xogħol, il-valuri u l-għaqda ta’ poplu li emmen fiha.

