Il-konsultazzjoni dwar il-Malta Labour Migration Policy ma waqfitx ma’ tmiem il-konsultazzjoni pubblika, li matulha saru aktar minn 300 sottomissjoni mill-pubbliku, iżda għadha għaddejja ma’ numru ta’ partijiet interessati. Imsieħba li qegħdin ikomplu jersqu ’l quddiem bl-ideat tagħhom, anke mill-esperjenza speċifika tagħhom f’numru ta’ setturi, biex din il-politika tkompli tissaħħaħ.
L-aħħar laqgħat, li jsegwu oħrajn fl-aħħar jiem, kienu ma’ rappreżentanti differenti mill-industrija tal-avjazzjoni u mal-Malta Football Players Association.
Laqgħat li dwarhom il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li l-pajjiż tmexxih ’il quddiem billi tagħraf iż-żminijiet u timplimenta l-bidliet li jagħtu r-riżultati fil-preżent u fil-ġejjieni u li xhieda ta’ dan hija l-Malta Labour Migration Policy.
“Kburin bl-avvanz ekonomiku li għamel pajjiżna u l-opportunitajiet li nħolqu fl-aħħar snin, li raw lill-Maltin jidħlu f’oqsma ġodda u javvanzaw fil-karrieri tagħhom, illum irridu nagħmlu emfasi ikbar ukoll fuq il-produttività. Irridu nipproduċu iktar, jekk jista’ jkun b’inqas. Fil-każ tagħna, gwidati mill-fatt li għandna l-iktar ekonomija li qed tikber fl-Ewropa, mal-ħtieġa tat-tisħiħ fil-produttività nistgħu u qed nenfasizzaw ukoll il-ħtieġa ta’ tisħiħ fid-drittijiet tal-ħaddiema u l-bżonn li jekk u meta jingħata permess għal iktar ħaddiema barranin dan isir biss b’mod li tgawdi s-soċjetà kollha.”
Kien għal dan il-għan li bħala gvern, poġġejna 32 rakkomandazzjoni ċara gwidati minn erba’ prinċipji ċari. L-imsieħba wieġbu billi kkontribwixxew b’mod pożittiv f’din il-konsultazzjoni, uħud minnhom b’dokumenti studjati li ġew preżentati f’għexieren ta’ laqgħat li saru dwar din il-politika.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li “Ħareġ ċar, kemm dan kien dokument li ntlaqa’ u kien apprezzat, filwaqt li min ġie jiddiskuti ġie bi proposti konkreti ta’ kif hu jibdel jew itejjeb ċerti rakkomandazzjonijiet. Bħala gvern għandna l-obbligu li d-deċiżjoni aħħarija tkun dik li filwaqt li toħloq bilanċ, tkun l-iktar waħda li tilħaq il-ġid komuni, dik li minnha tgawdi l-iktar is-soċjetà kollha kemm hi.”
Huwa kkonkluda li kif urejna s-sena li għaddiet, billi kienu kontrollati n-numri, fejn il-ħaddiema ġodda minn pajjiżi terzi kienu kkanċellati b’dawk li telqu u l-ekonomija baqgħet tikber b’saħħitha, issa rridu nkomplu nimplimentaw il-bidla li hemm bżonn.