Wednesday, May 7, 2025

MALTA LESTA GĦALL-PRESIDENZA TAL-KUNSILL TAL-EWROPA

Aqra wkoll

Minn hawn u ftit tal-ġimgħat oħra, preċiżament mill-14 ta’ Mejju li ġej, Malta se tkun qiegħda tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, bil-mandat jibqa’ għaddej sa Novembru. Din se tkun okkażjoni oħra importanti għal Malta, li se tassumi l-Presidenza fl-istess sena li qiegħda tfakkar is-60 sena ta’ sħubija fil-Kunsill tal-Ewropa. Fl-istess waqt li din se tkun ir-raba’ darba li l-pajjiż se jkun qiegħed imexxi din l-organizzazzjoni. 

Tajjeb li nsemmu li Malta se tieħu f’idejha l-Presidenza fi żminijiet bla preċedent hekk kif id-dinja qiegħda taffaċċja inċertezzi soċjali u ġeopolitiċi li kulma jmur qegħdin ikomplu jikbru. Għaldaqstant, kif qal tajjeb id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, perjodu ta’ trasformazzjoni daqstant delikat jitlob tmexxija responsabbli, diliġenti u reżiljenti.

F’dan il-kuntest, Malta tinsab preparata li tassumi dan l-irwol li għandha quddiemha. L-esperjenzi riċenti wrew dan kemm waqt il-mandat tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda kif ukoll waqt il-Presidenza tal-OSCE matul is-sena li għaddiet. Barra minn hekk, Malta kompliet turi li se tibqa’ tkun promutur ewlieni tal-paċi anke fil-kuntest tan-newtraliità ta’ pajjiżna.

Intant, il-Presidenza Maltija se tkun qiegħda tiffoka fuq diversi temi ċentrali fosthom il-protezzjoni tat-tfal, l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ, il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazjoni, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, l-appoġġ kontinwu tal-organizzazzjoni lejn l-Ukrajna kif ukoll id-djalogu u l-koperazzjoni ġenwina. 

Nemmnu li dawn it-temi jirrikjedu li jkun hemm vuċi waħda u b’saħħitha biex jiġu indirizzati ċertu kwistjonijiet li għadhom jippersistu anke sal-lum il-ġurnata flimkien ma’ realtajiet oħra ġodda. Ngħidu aħna l-bżonn li tissaħħaħ il-protezzjoni tat-tfal minn forom ġodda ta’ abbuż u sfruttament sesswali, b’mod partikolari online. 

Malta se taħdem ukoll biex tiġġieled il-vjolenza u d-diskriminazzjoni speċjalment il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet. Ikun tajjeb għalhekk li nfakkru l-ħidma li saret anke f’pajjiżna stess f’dan il-qasam, b’ħemel ta’ riformi li jippromwovu b’mod partikolari l-ugwaljanza u l-inklużjoni  kif ukoll it-tisħiħ tad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+. 

Għalhekk għandna għalxiex inħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu għal dan il-perjodu li deħlin fih, tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn Malta bla dubju se tkun qiegħda tmexxi b’mod effettiv, deċiżiv u li fuq kollox se tħalli r-riżultati mixtieqa. Dan kollu jagħmilna kburin li bħala pajjiż qed nerġgħu nħallu l-marka tagħna u nkunu ta’ servizz għall-komunità internazzjonali. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport