Fl-għodwa kiesħa tal-24 ta’ Frar 2022, fil-5am (ħin ta’ Kyiv), il-President Russu Vladimir Putin iddikjara gwerra fuq l-Ukrajna. Sejħilha intervent militari speċjali fl-Ukrajna mill-qawwiet Russi u għadu jsejħilha hekk sal-lum iżda effettivament bdiet gwerra fl-Ewropa b’għeruq mill-kriżi politika tal-Ukrajna tal-2014, li inċidentalment laħqet il-qofol fi Frar ukoll. Dakinhar ir-Russja ħatfet il-peniżola tal-Krimea u bdiet tappoġġja s-separatisti f’Luhansk u Donestk fil-Lvant tal-Ukrajna.
Fuq kollox illum hija sena minn gwerra b’attroċitajiet kbar u sena mill-bidu ta’ traġedja umana li ħalliet eluf ta’ innoċenti mejta, midruba u maħruba minn pajjiżhom. Ix-xeni ta’ massakru f’Bucha, il-qerda f’Mariupol u l-biża’ ta’ katastofri wara atti perikolużi fl-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia huma wħud biss mill-morr li daqu ċ-ċittadini Ukreni. Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy, li ħa l-poter tliet snin qabel il-gwerra, bl-għajta kontra l-oligarkija, stabilixxa ruħu bħala mexxej dinji li qajla xi ħadd basar li se jasal għal dik l-istatura. Forsi l-ewwel sinjali li kien ta, kienu sigħat mill-invażjoni Russa lejn Kyiv, bit-tankijiet tal-gwerra ftit kilometri ’l bogħod mill-kapitali, Zelenskyy imdawwar b’dawk l-aktar qrib tiegħu ħa filmat fil-qalba ta’ Kyiv jappella biex l-Ukreni jiġġieldu għall-arthom.
Quddiem l-aggressjoni Russa fuq l-għatba tal-Ewropa, l-Unjoni Ewropea ngħaqdet iżjed, anki quddiem il-kriżi tal-enerġija, li daħlet iżjed fil-fond u bdiet tolqot fil-laħam il-ħaj il-livell tal-għajxien taċ-ċittadini. Malta wkoll għamlet il-parti tagħha f’turija ta’ appoġġ u solidarjetà mal-poplu Ukren. F’għeluq l-ewwel anniversarju mill-bidu ta’ gwerra fl-Ukrajna, dan is-sit ħa l-kummenti tal-Prim Ministru Robert Abela, li aċċenna li anki f’mumenti daqstant diffiċli, pajjiżna jibqa’ jappella għall-paċi u l-waqfien mill-ġlied. “Nemmnu f’paċi li ssaltan b’mod sostenibbli fejn l-integrità territorjali tal-Ukrajna trid tkun kompletament rispettata. Bħala pajjiż b’siġġu fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u bħalissa bil-Presidenza tal-Kunsill, pajjiżna se jkompli jitfa’ dawl fuq gwerra mhux ġustifikata fuq l-Ukrajna u ntennu messaġġ favur id-djalogu”, saħaq Dr Abela f’kummenti esklussivi ma’ Talk.mt.
Il-Prim Ministru fakkar kif il-Gvern Malti jibqa’ jirrispetta b’mod sħiħ il-Kostituzzjoni anki quddiem talbiet mill-Ukrajna għall-armi letali iżda Malta ma dawritx wiċċha għall-wegħġat tal-poplu Ukren u għadha minn ta’ quddiem fl-għoti ta’ għajnuna umanitarja fosthom anki b’għotjiet ta’ mediċini għall-poplu Ukren u laqgħet fi ħdanha persuni fosthom dawk midruba mill-gwerra fejn anki rċievew terapija f’pajjiżna. Dan apparti għoti ta’ generators li qed jgħinu liċ-ċittadini Ukreni f’xitwa kiesħa jkollhom provvista tal-elettriku quddiem attakki insensati diretti lejn l-infrastruttura elettrika tal-pajjiż.
Il-Prim Ministru rrimarka kif waqt gwerra bl-effetti u l-impatti ekonomiċi tagħha anki f’pajjiżna, il-Gvern ħa deċiżjonijiet strateġiċi biex jilqa’ għalihom. “Huwa propju bid-deċiżjonijiet li ħadna u nieħdu ta’ kuljum li lqajna għall-impatti tal-gwerra, primarjament dak li qed nagħmlu biex il-familji Għawdxin u Maltin flimkien man-negozji baqgħu jkollhom prezzijiet stabbli tal-enerġija u l-fjuwil”, qal il-Prim Ministru hu u jikkummenta għall-mistoqsija tagħna dwar kif it-tkabbir ekonomiku jasal għand in-nies. “Dak kollu li għamilna u li qed nagħmlu nistgħu nibqgħu nagħmlu għax għandna ekonomija b’saħħitha li tkompli ġġib il-fiduċja lejn pajjiżna. Is-sostenn lin-nies mhux biss fl-enerġija iżda f’oqsma differenti jibqa’ jkun possibbli jekk inkomplu noħolqu l-ġid”, irrimarka l-Prim Ministru.
Intant aktar tard illum fi New York, il-Ministru Malti għall-Affarijiet Barranin Ian Borg se jkun qed jippresiedi laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna. F’dan l-isfond, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li anki f’laqgħa li kellu mal-President Zelenskyy aktar kmieni dan ix-xahar fi Brussell waqt Kunsill Ewropew, Malta baqgħet tisħaq għall-paċi filwaqt li tikkundanna bla ebda riservi, l-attakki kontra l-Ukrajna. “Nixtieq li l-Ukrajna jkollha wkoll futur li fih iċ-ċittadini tiegħu jgħixu fil-paċi bi żvilupp soċjali u ekonomiku. Huwa dan li nawgura għall-poplu Ukren”, temm jgħid ma’ Talk.mt il-Prim Ministru.