Malta ġiet uffiċjalment magħżula mill-EuroHPC Joint Undertaking (EuroHPC JU) biex tospita waħda mit-13-il Antenna ġdida tal-AI Factory stabbiliti fl-Ewropa, f’pass sinifikanti ieħor fil-vjaġġ tat-trasformazzjoni diġitali ta’ pajjiżna u li jsaħħaħ ir-rwol tagħna fin-network Ewropew tal-intelliġenza artifiċjali u fil-high-performance computing network.
L-Antenna ta’ Malta, bl-isem CALYPSO (Computational AI factory Link Yielding Performance, Services, and Outreach), se tkun immexxija mill-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) u se tkun marbuta mal-AI Factory PHAROS tal-Greċja. CALYPSO se tipprovdi lill-istartups, SMEs, riċerkaturi u entitajiet pubbliċi Maltin b’aċċess għall-EuroHPC AI supercomputing, appoġġ algoritmiku, taħriġ u settijiet ta’ dejta f’setturi kruċjali bħall-finanzi, it-trasport u s-saħħa – kollha bil-għan li jissaħħaħ l-iżvilupp tal-AI, il-konformità u l-kollaborazzjoni madwar l-Ewropa.
L-għażla ta’ Malta bħala Antenna tal-AI Factory hija parti mill-inizjattiva usa’ tal-EuroHPC AI Factories, li ġiet imnedija biex tkompli tgħolli ’l fuq ir-rwol tal-Ewropa fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali u tagħmel ir-riżorsi ta’ supercomputing ottimizzati għall-AI aktar aċċessibbli fl-Istati Membri. L-Unjoni Ewropea se tiffinanzja l-AI Factory Antennas b’finanzjament ta’ madwar €55 miljun, li se jkun imqabbel b’kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi parteċipanti. Kull Antenna se taħdem mill-qrib mal-AI Factory marbuta magħha biex tipprovdi lill-ekosistemi nazzjonali b’aċċess għal qawwa ta’ komputazzjoni avvanzata għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-applikazzjonijiet industrials.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, laqa’ din il-kisba u qal, “Dan huwa mument ta’ storiku għal Malta. Permezz ta’ CALYPSO, pajjiżna se jkun direttament marbut mal-ogħla kapaċitajiet Ewropej fl-AI u supercomputing, u se jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-innovaturi, ir-riċerkaturi u l-imprendituri tagħna biex jittestjaw, jitħarrġu u jimplimentaw soluzzjonijiet tal-AI b’potenzjal globali. Din il-kisba tkompli tikkonferma lil Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza u innovazzjoni diġitali.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA, Kenneth Brincat qal li: “Kburin ħafna li, bl-akkwist ta’ fondi Ewropej, se noħolqu l-CALYPSO AI Factory Antenna b’valur ta’ €10 miljun. Dan il-proġett se jsaħħaħ l-ekosistema lokali tagħna u jipprovdi aċċess dirett għal riżorsi avvanzati ta’ Intelliġenza Artifiċjali, u b’hekk Malta se tissaħħaħ bħala ċentru ta’ innovazzjoni.”