Tuesday, March 31, 2026

Malta megħluba għal darb’oħra mil-Lussemburgu … tisfuma l-ħolma tal-promozzjoni

Aqra wkoll


Lussemburgu……………3
Malta……………………….0
(agg. 5-0)
 
Lussemburgu: Anthony Moris, Laurent Jans, Seid Korac, Dirk Carlson, Florian Bohnert (Enes Mahmutovic 57), Mathias Olesen (Yvandro Borges Sanches 68), Vincent Thill (Tomas de Sousa Moreira 68), Christopher Martins Pereira, Leandro Barreiro (Sebastien Thill 58), Aiman Dardari (Jayson Videira Pereira 78), Danel Sinani Coach: Jeff Strasser
 
Malta: Henry Bonello, Zach Muscat (Myles Beerman 74), Gabriel Bohrer Mentz, Enrico Pepe (Jean Borg 62), Ryan Camenzuli (Juan Carlos Corbalan 46), Matthew Guillaumier, Alex Satariano, Joseph Essien Mbong, Paul Mbong (Keyon Ewurum 62), Ilyas Chouaref (Adam Magri Overend 82), Irvin Cardona Coach: Emilo De Leo
 
Referee: Daniel Siebert (Ġermanja)
Ass. Referees: Jan Seidel, Rafael Foltyn (Ġermanja)
Raba’ Uffiċjal: Daniel Schlager (Ġermanja)
Skorers: V. Thill 20, D. Sinani 50, T. De Sousa Moreira 70 (L)
Tkeċċa: J. E. Mbong 64 (M)
Ammoniti: D. Sinani, F. Bohnert, M. Olesen (L), J. E. Mbong (2) (M)
Attendenza: 9,500

Sfumat il-ħolma Maltija li niksbu l-promozzjoni f’League C tal-UEFA Nations League meta, barra minn darna fil-Lussemburgu, il-Maltin sfaw megħluba bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0, u b’hekk wara li fl-ewwel leg f’pajjiżna trijonfaw bl-iskor ta’ 2-0, ħarġu rebbieħa bl-aggregate score ta’ 5-0.
 
Għalhekk, kollox jibqa’ l-istess … jiġifieri l-Lussemburgu jibqgħu jilagħbu f’League C, filwaqt li Malta jibqgħu jimmilitaw f’League D.
 
Fost il-partitarji numerużi li kienu jammontaw għal madwar 9.500 persuna, kien hemm bejn 300 u 350 Malti li għamlu l-vjaġġ bejn Malta u l-Lussemburgu, fosthom il-Prim Ministru, Dr Robert Abela, u l-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Alex Borg.
 
Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Emilio De Leo wettaq żewġ tibdiliet fil-formazzjoni inizjali mill-ewwel leg fejn Gabriel Bohrer Mentz li kien qed jirritorna minn sospensjoni ħa post Kurt Shaw fil-qalba tad-difiża, waqt li Joseph Essien Mbong ħa post Teddy Teuma li weġġa’ fl-ewwel leg f’pajjiżna, f’nofs il-ground.
 
Kienu l-Maltin li ħolqu l-ewwel periklu fis-seba’ minuta meta Joseph Essien Mbong indirizza cross għan-nofs li sab lil Ilyas Chouaref li għalkemm issikkat minn difensur avversarju, kellu s-semi-rovexxjata tiegħu mill-viċin li ħarġet l-aħjar tal-goalkeeper tal-Lussemburgu, Anthony Moris, li dawwar f’corner bi bravura.
 
Huma reġgħu heddew il-lasti avversarji fit-18-il minuta meta Joseph Essien Mbong ikkontrolla tajjeb qabel venven xutt b’saħħtu mid-distanza li iżda ntemm għoli.
 
Iżda kontra x-xejra tal-logħob, kienu l-Lussemburgu li fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu fl-20 minuta meta VINCENT THILL, evita d-daħla ta’ Ryan Camenzuli qabel spara xutt fil-baxx li għadda minn taħt saqajn il-goalkeeper Malti, Henry Bonello, u ntemm ġewwa.
 
Malta wieġbet ħames minuti wara meta Ryan Camenzuli pinġa cross li sab lil Irvin Cardona, li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm għoli.
 
Huma komplew jippressaw u fl-34 minuta, Chouaref, kellu xutt fil-baxx u b’saħħtu mid-distanza li ġie salvat minn mal-art minn Moris.
 
Iżda fil-45 minuta, il-lussemburgu rebħu penalty meta Joseph Essien Mbong waqqa’ lill-player ta’ Benfica, Leandro Barreiro, fil-kaxxa. Mill-11-il metru, inkariga ruħu, l-attakkant ta’ St Pauli, Danel Sinani, li iżda ra t-tentattiv tiegħu salvat tajjeb minn Bonello wara li ntefa’ minn tulu fl-art.
 
Il-pressjoni kienet kollha fuq il-Maltin u ft-48 minuta, freekick insidjuż iżda ċentrali ta’ Alex Satariano ġie mdawwar f’corner bi bravura minn Moris. 
 
Iżda kienu l-Lussemburgu li rduppjaw l-iskor fil-50 minuta meta Barreiro approfitta minn clearance erratika ta’ Satariano, għadda tajjeb lejn DANEL SINANI, li dar tajjeb ma’ Bonello qabel ma bi preċiżjoni tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, biex patta bis-sħiħ għall-iżball li wettaq lejn tmiem l-ewwel taqsima meta falla penalty, u b’hekk skorja l-15-il goal tiegħu bil-flokk tal-Lussemburgu, biex ikkonsolida postu bħala l-aqwa skorer ta’ dan it-tim. 
 
U biex l-affarijiet ikomplu ġejjin ħażin għall-Maltin, fl-64 minuta huma spiċċaw jilagħbu b’10palyers meta tkeċċa għalihom il-palyer Joseph Essien Mbong, wara li rċieva żewġ karti sofor fi-partita, bit-tieni waħda jirċeviha wara daħla kerha fuq is-sostitut, Sebastien Thill. 
 
Kulma jmur huma bdew japprofittaw mill-fatt li bdew jilagħbu bi player iktar, u fis-70 minuta, issiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal meta s-sostitut TOMAS DE SOUSA MOREIRA, li kien ilu biss ftit sekondi fil-ground, u proprju fl-ewwel ballun li miss, permezz ta’ xutt mill-viċin tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
 
Bil-moral ferm baxx, il-Maltin krollaw għal kollox, u bdew biss jippruvaw jillimitaw id-danni, bil-Lussemburgu li dehru donnhom ġejjin minn kull naħa.
 
Madankollu, fid-89 minuta, il-Maltin tilfu ċans tad-deheb li jiskorjaw il-goal tal-bandiera, meta s-sostitut Keyon Ewurum għadda tajjeb lejn is-sostitut l-ieħor, Adam Magri Overend, li mill-viċin ra lil Moris isalva parzjalment, biex mir-rebound l-istess Magri Overend reġa’ ra lil Moris isalva bi bravura biex salva goal ċert.
 
Iżda l-Lussemburgu komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport