Saturday, December 14, 2024

Malta mistenni jkollha turiżmu b’saħħtu dan is-sajf … ħidma biex inqarrbu jew ngħaddu s-sena rekord tal-2019

Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Carlo Micallef

Aqra wkoll

Fl-aħħar ġimgħat, iċ-ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wrew li l-volumi, l-iljieli mqattgħin f’pajjiżna u n-nefqa turistika ta’ Frar li għadda kienu aħjar minn dawk tal-2019; is-sena rekord tat-turiżmu lejn pajjiżna qabel ma feġġet il-pandemija tal-Covid-19: “Ir-riżultati tal-2022 kienu ħafna aħjar milli wieħed stenna fil-bidu meta ħriġna mill-pandemija,” sostna Carlo Micallef – il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA).

Is-Sur Micallef stqarr li: “Il-fatt li lħaqna 2.3 miljun turist/a li kienu ġew f’pajjiżna fl-2022, l-andament baqa’ pożittiv”. Huwa osserva wkoll li pajjiżna apparti li ra żieda fl-ammont ta’ turisti, esperjenza żieda fl-iljieli li t-turisti qattgħu f’pajjiżna. Dan mhux biss; iktar importanti minn hekk huwa li t-turisti qegħdin jonfqu iżjed f’pajjiżna, qal il-Kap Eżekuttiv.

L-indikazzjonijiet għax-xhur li ġejjin huma pożittivi ħafna hekk kif s’issa mill-ammont ta’ bukings li deħlin jidher li Malta hija mfittxija ħafna fis-swieq barranin bħala destinazzjoni għal btala, saħaq is-Sur Micallef. Dan id-diskors seta’ jgħidu minħabba li l-MTA tkun f’kuntatt kontinwu ma’ setturi oħra li lkoll huma parti mit-turiżmu: il-linji tal-ajru, l-operaturi turistiċi u l-lukandiera. “Għaldaqstant, qegħdin nistennew sajf tajjeb ħafna u qegħdin naraw illi l-miri tagħna nilħquhom sabiex inkunu viċin ħafna jew ngħaddu s-sena rekord tal-2019”.

“Qegħdin naraw turiżmu qawwi ġej mill-Amerika ta’ Fuq”

Meta mistoqsi minn dan is-sit dwar is-swieq li minnhom qed jiġu l-ikbar ammonti ta’ turisti, huwa fisser li għalkemm is-suq Ewropej huwa l-iżjed predominanti, prattikament qed naraw żieda minn kullimkien: “Malta u Għawdex huma wieħed mill-ftit pajjiżi fil-Mediterran li qed jattiraw turiżmu minn madwar id-dinja kollha. Il-predominanza hija minn swieqi Ewropej — u minn hemmhekk qegħdin naraw numru ta’ turisti tajbin ħafna minn Franza, l-Italja, il-Polonja, il-Ġermanja, l-Ingilterra … imma qegħdin naraw ukoll turiżmu qawwi li ġej mill-Amerika ta’ Fuq — l-Istati Uniti u l-Kanada, kif ukoll anki minn pajjiżi iżgħar, bħal Spanja u l-Lvant Nofsani,” spjega s-Sur Micallef.

Huwa attribwixxa dan il-fattur bħala waħda mir-raġunijiet ewlenin għall-fatt li kellna riżultati tajbin ħafna f’Jannar u Frar, għaliex b’hekk ir-rota fis-settur turistiku baqgħet iddur is-sena kollha.

Ekonomija

Sport