Il-kwistjoni tal-insib f’pajjiżna kompliet għaddejja u dan hekk kif il-Kummissjoni Ewropea bagħet ittra formali lil Malta li fiha talbet lil pajjiżna biex jindirizza mistoqsijiet li għandha dwar l-insib għall-għasafar tal-għana.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li Malta naqset li tagħti raġunijiet li jiġġustifikaw id-deroga ġdida u għalhekk bagħtet l-ittra formali.
Malta għandha xahrejn biex tirrispondi u jekk il-Kummissjoni Ewropea ma tkunx sodisfatt tista’ tirreferi l-każ lura fil-Qorti tal-Ġustizza u titlob li Malta tiġu mmultata.
Il-Kummissjoni qalet li Malta qed tonqos milli timxi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE mogħtija fid-19 ta’ Settembru li għadda.
F’dik is-sentenza l-Qorti Ewropea kkonkludiet li Malta ma mxietx mal-obbligi tad-Direttiva tal-Għasafar meta ppermettiet l-insib ta’ seba’ speċi simili għad-deroga miċħuda minnha.
Ta’ min jgħid li sorsi legali li kien tkellem magħhom dan is-sit waqt li analizzaw is-sentenza li ngħatat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, iddeskrivew l-eżitu tagħha bħala ‘rebħa pirrika għall-Kummissjoni Ewropea”.
Dan għax fis-sentenza imkien ma jissemma li ma jistax isir insib jew li ma tistax tiġi applikata deroga, imma l-każ intilef biss fuq teknikalita, li tista’ tiġi indirizzata.
Fis-sentenza tagħha, l-Qorti Ewropea kienet ddeċidiet li Malta kisret l-obbligi tagħha skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea metą adottat id-deroga li tippermetti riċerka ta’ seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana.
Il-Kummissjoni Ewropea kienet fetħet il-proċedura ta’ ksur kontra Malta, wara li allegat li Malta naqset milli tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għad-deroga għal finijiet ta’ riċerka skont id-Direttiva dwar l-Għasafar u naqset milli turi li m’hemmx soluzzjoni oħra sodisfaċenti.
Il-Gvern Malti irrikonoxxa s-sentenza tal-Qorti, li ddikjarat li element wieħed mid-deroga għar-riċerka applikata minn Malta fis-snin 2020, 2021 u 2022 ma kienx konformi mad-Direttiva dwar l-Għasafar.
Imkien ma ssemma li m’hemmx dritt għal deroga…imkien ma ssemma li ma jistgħux jinqabdu għasafar tal-għana.
Is-sorsi legali li konna tkellimna magħhom qalulna li “jekk wieħed janalizza din is-sentenza isib li l-Qorti Ewropew warrbet l-argumentazzjoni kollha tal-Kummissjoni Ewropea fejn jirrigwarda l-insib b’riċerka.
Il-Qorti fl-ebda parti tas-sentenza ma semmiet li Malta m’għandhiex dritt tapplika għal deroga. Ma semmiet imkien li ma jistgħux jintużaw l-imnasab jew kif jinqabdu l-għasafar.
Ma semmiet imkien li ma jistgħux jintużaw ‘decoys’. Ma semmiet imkien li ma jistgħux jintużaw cassettes. Il-Qorti skartat l-argumentazzjoni kollha tal-Kummissjoni Ewropea. Veru li l-Gvern Malti tilef din il-kawża, imma intilfet fuq teknikalità.
L-argumentazzjoni kontra l-insib u d-deroga tal-insib il-Qorti Europea warrbithom”, qalulna l-istess sorsi, li ddeskrivew din ir-rebħa bħala ‘rebħa pirrika’ – jiġifieri rebħa bla valur.”
Il-kawża intilfet fuq punt wieħed prinċipali – il-Ministru Clint Camilleri
Dan is-sit tkellem ukoll mal-Ministru Clint Camilleri, li kien preżenti għas-seduta li fiha ingħatat is-sentenza.
Il-Ministru fil-kumment tiegħu qalilna li “tlifniha fuq punt wieħed – dak li Malta ma tatx raġunijiet preċiżi u adegwati li ma teżistix solozzjoni sodisfaċenti oħra għajr id-deroga li adatta l-Gvern Malti”.
“Irrid nispjega li f’Malta il-liġi tagħna hi bbażata fuq il-liġi Ingliża. Dan ifisser li inti toħroġ avviż legali, ħafna drabi konċiż u tmexxi. Nifhem li l-istituzzjonijiet Ewropej huma aktar ibbażati fuq sistema Franċiża u għalhekk dawn jeżiġu li meta jkun hemm bidla jew liġi ġdida irid ikolla inkorporata fiha l-motivazzjoni u l-istorja kollha għaliex qed naslu għaliha. Fil-każ tad-deroga tagħna din ma saritx biżżejjed, kif propja tispjega s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropeja”
Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Gustizzja Ewropea jidher li tat raġun lil Kummissjoni Ewropea fuq dan il-punt filwaqt li skartat l-argumenti sussigwenti addizzjonali kollha tal-Kummissjoni Ewropea.”
Kompla jikkummenta li “fis-sentenza tal-Qorti Ewropea hemm sentenza importanti. Din qalet li l-framework tagħna fejn tidħol id-deroga hu ċar u preċiz. In-nuqqas li kien hemm kien biss fil-punt li m’għamilniex il-motivazzjoni għal avviż legali jiġifieri spjegazzjoni preċiża li m’hemmx alternattiva sodisfaċenti. Jidher li fallejna fuq dan il-punt biss.”
Enfasizza li “dan ifisser li fuq il-karta Malta tilfet il-kawża. Minkejja dan il-Gvern Malti rebaħ ta’ numru ta’ prinċipji importanti, forsi b’mod partikolari li l-framework legali li addottat Malta huwa ċar u preċiż u għaldaqstant il-Qorti ma ordinatx li jiġi irtirat kif kien ġara lura fl-2018.
Ifisser li issa l l-Gvern għandu bażi soda u aktar carezza fuq xhiex jimxi. Il-Gvern Malti irid jirrispett mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea imma anke l-Kummissjoni Ewropea trid tirrispetta din is-sentenza.”