Sunday, February 1, 2026

Malta: pajjiż żgħir b’vuċi kbira – minn Helsinki sa lum   

      - l-Ambaxxatur Emeritu, Anthony De Bono

Aqra wkoll

Malta dejjem kienet l-aktar b’saħħitha meta kienet fil-kamra fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Mintoff waqqaf lil Kissinger u Gromyko f’Helsinki, tkellem ma’ Gaddafi, Kim Il Sung , Lee Kuan Yew , Castro, Hoxha u anke ma’ Saddam biex jassigura ż-żejt għal Malta u tkabbir kummercjali. Fl-1989, il-gvern ta’ dak iż-żmien kien protagonist tas-summit Bush‑Gorbachev mingħajr ma kiser in-newtralità. Illum, wara sitt snin ta’ sfidi globali — Covid, il-gwerra fl-Ukrajna u aktar — il-Prim Ministru Robert Abela wera l- kapacita strategika tiegħu. Il-kritika tiġi, iżda l-istorja dejjem tagħraf min ħadem u min tkellem biss.

Dan iddikjarah ma’ IT-TORĊA, l-Ambaxxatur Emeritu Anthony De Bono. 

Huwa  qalilna li “f’pajjiżna, ħafna drabi ninsew li l-istorja tagħna mhix biss ġabra ta’ dati u avvenimenti, iżda wkoll ġabra ta’ mumenti fejn Malta, minkejja d-daqs tagħha, kienet kapaċi twaqqaf il-ġganti u tbiddel ir-rotta tad-dinja. Illum, hekk kif il-Prim Ministru tagħna jidħol fis-seba’ sena tiegħu fil-kariga — sena li ġiet wara perjodu mimli sfidi globali bħal pandemija, gwerra fl-Ewropa u tensjonijiet ġeopolitiċi — tajjeb li niftakru li Malta dejjem kienet l-aktar b’saħħitha meta kienet kuragguza.

Mintoff: Il-kompass li jgħaqqad il-folol u l-avversarji

Dom Mintoff jibqa’ figura li tgħaqqad lil min iħobbu u lil min jikkritikah. Imma fuq ħaġa waħda kulħadd jaqbel: kien bniedem li ma beżax jidħol fejn oħrajn kienu jibżgħu. Meta fl-1975 il-Konferenza ta’ Helsinki kienet sejra tgħaddi mingħajr ma ssemmi l-paċi fil-Mediterran, Mintoff waqqaf kollox. Għal ġimgħat sħaħ, żamm lil Kissinger u lil Gromyko fuq l-ixkaffa sakemm il-klawżola daħlet. Dak kien att ta’ statista, mhux ta’ spettatur.

Mintoff ma qagħadx jara min kien “hardliner” jew min kien “kontroversjali”. Għalih, il-mistoqsija kienet waħda: X’inhu fl-aħjar interess ta’ Malta? U għalhekk tkellem ma’ Gaddafi, maċ-Ċiniżi, ma’ Castro, mal-Grupp ta’ 77, u anke ma’ Enver Hoxha — laqgħa li jiena stess attendejt fl-1983 bħala żagħżugħ li kien qed jara l-istorja tinħadem quddiem għajnejh.

Meta Malta kellha bżonn iż-żejt: Il-missjonijiet li ftit jafu bihom

Fl-1980, Malta kienet f’kriżi ta’ enerġija. Il-magni setgħu jieqfu. Il-pajjiż kellu bżonn żejt, u kellu bżonnu malajr. Dak iż-żmien, Mintoff bagħat delegazzjonijiet — u jiena kont parti minnhom — għand ir-rejiet u l-kapijiet tal-Lvant Nofsani. Morna għand Saddam Hussein  u l-Prim Ministru tiegħu Tarek Ażiz, għand Al Ansari f’Qatar, għand King Fahd f’Saudi, għand Sheikh Zayed fl-UAE, u għand Al Sabah f’Kuwait.

Dawn ma kienux  żjarat protokollari. Kienu missjonijiet ta’ sopravivenza nazzjonali. Kienu mumenti fejn Malta kellha tħabbat il-bibien ta’ min kellu l-qawwa, u tagħmel dan b’dinjità u b’għaqal. U rnexxielna. Għax Malta, meta titkellem b’serjetà u b’prinċipju, dejjem tinstema’.

1989: Meta Malta saret il-pedament tal-paċi globali

Meta Bush u Gorbachev għażlu lil Malta bħala l-bażi tas-summit li temm il-Gwerra Bierda, ma għażluhiex għax kienet konvenjenti. Għażluha għax kienet newtrali, rispettata u kapaċi tospita djalogu sensittiv. U ejja niftakru: dak iż-żmien, il-gvern kien immexxi minn dawk li llum jinsabu fl-oppożizzjoni. U xorta waħda, ma kisrux in-newtralità. Anzi, kienu protagonisti ta’ paċi globali. Din hi lezzjoni importanti: in-newtralità qatt ma kienet skuża biex ma nkunux preżenti. Kienet dejjem għodda biex inkunu fil-qalba tad-djalogu.

Il-Prim Ministru tal-Lum: sitt snin ta’ prova u reżiljenza

Illum, il-Prim Ministru tagħna għadu kif ghalaq is-sitt sena tiegħu fil-kariga. Dawn is-snin ma kinux faċli. Il-pandemija tal-Covid kienet sfida li pajjiżi ferm akbar minna fallew fiha, iżda Malta kienet meqjusa bħala eżempju internazzjonali. Il-gwerra fl-Ukrajna ġabet pressjonijiet ekonomiċi u politiċi li ħadd ma kien jistenna. U madankollu, il-pajjiż baqa’ għaddej, b’serjetà u b’kalma. 

Għalhekk, meta llum il-Prim Ministru jikkunsidra li jissieħeb f’bord ta’ paċi — anke jekk imsejjaħ minn figura kontroversjali — m’għandniex narawh bħala riskju. Għandna narawh bħala kontinwità ta’ tradizzjoni li bdiet b’Mintoff u kompliet tul is-snin: li Malta tkun preżenti fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Il-kritika dejjem tiġi — imma l-istorja dejjem tgħid min kellu raġun

Kemm-il darba smajna lil min kien jikkritika lil Mintoff, biex imbagħad, snin wara, jammetti li kien żbalja?  Kemm-il darba rajna lil min jaġixxi bl-impuls, u mbagħad jirrikonoxxi li Mintoff kellu raġun?  Din hija x-xejra tal-politika Maltija: l-ewwel il-kritika, imbagħad l-ammissjoni. Illum qed naraw l-istess xenarju. Kritika anke minn min qatt ma xammar għal Malta. Kritika minn min qatt ma kien fuq ajruplan lejn Baghdad, Riyadh, Doha jew Abu Dhabi biex jassigura l-interess nazzjonali. Kritika minn min qatt ma kellu jħares lil pajjiżna f’mumenti ta’ kriżi globali.

Malta dejjem kienet aktar b’saħħitha meta kienet fil-kamra

Il-messaġġ hu wieħed: Malta ma tissieħeb f’ebda alleanza militari. Imma tidħol f’fora ta’ paċi biex tħaddem il-valuri tagħha. U jekk Mintoff seta’ jmur għand Hoxha, Gaddafi, Saddam u l-ġganti ta’ Helsinki, m’hemmx raġuni għalfejn Malta ma tkunx preżenti llum — b’għaqal, b’viżjoni u b’lealtà lejn il-prinċipji tagħha.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport