Minn Cristian Muscat
Mil-lum sat-Tnejn li ġej, tintlagħab il-ħames ġurnata tat-Tieni Fażi jew aħjar il-21 ġurnata tal-Malta Premier League, bl-aktar partita interessanti tkun dik bejn Floriana u l-leaders Marsalokk.
Min-naħa ta’ Hamrun Spartans se jiltaqgħu kontra Zabbar St Patrick għat-tieni konfront dirett fi spazju ta’ erbat ijiem wara li nhar l-Erbgħa ffaċċjaw lil xulxin fir-round tal-Aħħar 16 tal-FA Trophy.
Partita oħra interessanti hija dik bejn il-ġirien, Birkirkara u Mosta, li matul din il-ġimgħa, it-tnejn avvanzaw għall-kwarti-finali tal-FA Trophy.
Hibernians ikunu nvoluti f’partita delikata kontra Gzira United li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika.
Sliema Wanderers jibdew favoriti li jegħlbu lil Melita minkejja li dawn tal-aħħar kienu dejjem sfida denja kontra t-timijiet il-kbar u għaldaqstant il- Wanderers iridu juru rispett massimu lejn l-avversarji tagħhom.
L-aħħar partita tal-programm hija dik bejn l- aħħar żewġ timijiet, Balzan u Naxxar Lions li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji taż-żewġ naħat.
Floriana v Marsasxlokk– Din il-logħba hija l-aqwa waħda ta’ tmiem il-ġimgħa hekk kif iż-żewġ timijiet qed jiġġieldu għall-ewwel post.
Jekk Marsaxlokk joħorġu rebbieħa, huma jsaħħu l- quċċata iżda jekk Floriana jirnexxielhom jagħmlu dan, jaqbżuhom fil-klassifika, bil-Ħamruniżi jistgħu jitil-għu fil-quċċata jekk huma jegħlbu lil Zabbar St Patrick.
F’dawn l-aħħar jiem, ix-Xlukkajri kienu fl-aħbarijiet hekk kif spikkat ir-riżenja għall-għarrieda tal-president, Frank Cachia, wara li sar mandat lill-club tiegħu għal dejn li sar mill-presidenza preċedenti.
Huma ġejjin minn rebħa komda ta’ 3-0 fuq Balzan. Min-naħa l-oħra, Floriana kellhom jitħabtu biex għelbu lil Zabbar St Patrick bl-iskor minimu ta’ 1-0.
Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli hekk kif Carlo Zammit Lonardelli jirritorna għal Floriana filwaqt li Jake Ghio jirritorna għal Marsaxlokk, it-tnejn minn sospensjoni.
Fil-konfront preċedenti, iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 1-1.
Zabbar SP v Hamrun S. – Dawn iż-żewġ timijiet se jerġgħu jiltaqgħu wara erbat ijiem meta Hamrun Spartans eliminaw lil Zabbar St Patrick mill-FA Trophy, bl-iskor ta’ 2-1, bil-goal tar-rebħa jasal fit-88 minuta.
Bla dubju, din id-darba, iż-Żabbarin jinżlu determinati biex jieħdu xi ħaġa minn din il-partita.
Peró, iridu jkunu fl-aqwa forma possibbli quddiem l-ostaklu Ħamruniż.
Kuntrarju għall-Ewwel Fażi, huma team trasformat għal kollox u l-objettiv tagħhom huwa li jikkwalifikaw mat-Top 6.
Iżda huma għandhom lil Dorde Jovicic sospiż.
L-Ispartans kienu għelbu liż-Żabbarin bl-iskor ta’ 3-1 fl-Ewwel Fażi.
Birkirkara v Mosta – Din hija partita bejn il-ġirien Birkirkara u Mosta li ftit tal-jiem ilu t-tnejn ikkwalifikaw għall-kwarti-finali tal-FA Trophy.
Birkirkara jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ meta fl-aħħar tliet ħarġiet huma temmew fi draws, li jfisser li fallew sitt punti.
Huma se jilagħbu kontra team enigma li kollox ma’ kollox iddiżappunta meta wieħed iqis li kien l-aktar club li rreġistra players barranin.
Rebħa hija prijoritá għaż-żewġ timijiet – Birkirkara biex iżommu l-pass ma’ ta’ fuq filwaqt li Mosta jridu jitbiegħdu miż-żona tar-relegazzjoni.
Għal Birkirkara jirritorna Manuel Ignacio Morello minn sospensjoni.
Fiż-żewġ partiti preċedenti, il-Karkariżi ħarġu rebbieħa 1-0 u 2-0.
Gzira U. v Hibernians – Gzira United jaffrontaw lil Hibernians li ġejjin minn rebħa importanti bl-iskor ta’ 3-2 fuq Sliema Wanderers biex baqgħu fl-isfida li jtemmu fl-ewwel żewġ postijiet ta’ din il-fażi li jkun ifisser post fis-semi-finali għar-rebħ tat-titlu.
Min-naħa l-oħra, il-Maroons jimmiraw għat-tliet punti biex jinqalgħu min-naħa t’isfel tal-klassifika.
Peró huma ma jistgħux jagħmlu użu mis-sospiżi, Kurt Zammit, Nikola Disic u Kevin Tulimieri.
Għal Hibernians jirritorna Miullen Felicio Carvalho minn sospensjoni.
Fil-partita tal-Ewwel Fażi, Hibernians kienu għelbu lil Gzira bl-iskor ta’ 2-0.
Melita v Sliema W. – Wara t-telfa kontra Hibernians, Sliema Wanderers jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ meta jiffaċċjaw lil Melita li jinsabu punt biss warajhom.
Dawn tal-aħħar ma jistgħux jinkludu lis-sospiżi Gareth Barone u Kurt Bondin filwaqt li l-Wanderers għandhom lil Geoffrey Acheampong sospiż.
Fl-Ewwel Fażi iż-żewġ timijiet kienu temmew fi draw ta’ 2-2.
Naxxar L. v Balzan – Dan huwa konfront bejn l-aħħar żewġ timijiet fil-klassifika.
Din il-partita se tkun ukoll id-debutt tal-coach, Andrew Cohen, ma’ Balzan hekk kif se jkun it-tielet wieħed tagħhom dan l-istaġun wara l-Britanniċi, Dave Rogers u Daryl Willard.
Huma għandhom lil Henri Stanic sospiż iżda jirritorna Rafael Da Silva Floro minn sospensjoni filwaqt li għal-Lions jirritorna Degran Jackson.