Minn Cristian Muscat
Meta llum u nhar it-Tnejn li ġej tintlagħab it-30 ġurnata jew aħjar l-14-il waħda tal-Malta Premier League, bla dubju, il-konfront bejn Floriana u Hamrun Spartans jisraq l-attenzjoni bejn żewġ timijiet li huma fost il-favoriti li jirbħu l-kampjonat.
Partita oħra diretta hija dik bejn Marsaxlokk u Sliema Wanderers li f’dan l-istadju ħadd ma jaffordja li jitlef il-punti minħabba li jistgħu jkunu detrimentali fl-objettiv għall-kwalifikazzjoni għas-semi-finali … dejjem jekk Floriana jonqsu milli jtemmu fl-ewwel post f’dan il-Closing Round wara li fl-Opening Round huma temmew fil-quċċata.
Jekk dan iseħħ, allura ma jkunx jinħtieġ li jintlagħbu s-semi-finali hekk kif il-Furjaniżi jiġu dikjarati champions.
Birkirkara jiltaqgħu konta l-ġirien, Mosta, u huma xi ftit maqtugħin mill-ewwel żewġ postijiet. Iżda huma diġá għandhom post ibbukkjat fis-semi-finali wara li fl-Opening Round spiċċaw it-tieni.
It-taqtiegħa fin-naħa t’isfel tal-klassifika wkoll hija mill-aktar interessanti.
Dan minħabba li hemm tliet timijiet, Balzan, Naxxar Lions u Melita, li qed jissieltu għas-salvazzjoni għalkemm jidher li Balzan u Naxxar se jkunu fil-play-offs.
Iżda xejn għad m’hu deċiż minħabba li l-mekkaniżku ta’ dan il-kampjonat hu kemmxejn komplikat.
Hibernians jaffrontaw lil Gzira United filwaqt li Zabbar St Patrick jiltaqgħu kontra Balzan. F’konfront dirett, Naxxar jiffaċċjaw li Melita.
Floriana v Hamrun S.– Minkejja li se jintlagħab fil-ġurnata tat-Tnejn, din il-partita mistennija tiġbed attendenza kbira hekk kif matul dawn l-aħħar snin, Floriana u Hamrun Spartans saru rivali ta’ xulxin.
Il-Furjaniżi jinżlu għal din il-partita jimmiraw li jwaqqfu s-sensiela negattiva ta’ 14-il logħba mingħajr rebħa kontra l-istess Ħamruniżi li fihom dawn tal-aħħar rebħu tmienja bis-sitta l-oħra jintemmu fi draws.
L-aħħar rebħa ta’ Floriana fuq Hamrun ġiet reġistrata nhar it-3 ta’ Frar, 2018, bl-iskor ta’ 1-0.
Barra minn hekk dawn tal-aħħar ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi filwaqt li Floriana wkoll ġejjin minn rebħa wara żewġ telfiet u draw.
Barra minn hekk, Floriana għandhom lil Franklin Sasere sospiż.
Fl-aħħar tliet partiti Hamrun rebħu waħda (2-1) bl-oħrajn jintemmu fi draws ta’ 0-0 u 1-1.
Marsaxlokk v Sliema W.– Din hija partita mill-aktar interessanti hekk kif Marsaxlokk iridu jirkupraw mit-telfa ta’ 2-1 kontra Floriana filwaqt li jridu wkoll iwaqqfu s-sensiela pożittiva ta’ Sliema Wanderers li ġejjin minn ħames rebħiet konsekuttivi.
Rebħa għas-Slimiżi tkun tfisser li jsaħħu l-ewwel post u joqtlu kull tama għax-Xlukkajri li jkomplu jisfidaw għall-ewwel żewġ postijiet.
Dawn tal-aħħar għandhom il-players kollha għad- dispożizzjoni filwaqt li l-Wanderers għandhom lil Wescley Matos Da Silva sospiż.
Fiż-żewġ partiti preċedenti, kull team rebaħ partita bl-iskor ta’ 1-0.
Birkirkara v Mosta – Birkirkara jridu jagħrfu kif jirriorganizzaw lilhom infushom meta jaffrontaw lil Mosta li jinżlu għal din il-partita mingħajr l-ebda pressjoni.
Iżda l-fatt li l-Karkariżi ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi, dan il-konfront għandu jservi biex jgħolli l-moral tagħhom minħabba li l-istaġun għalihom għadu mhux mitmum.
Dan minħabba li huma jridu jilagħbu fis-semi-finali.
Huma ma jistgħux jagħmlu użu mis-sospiżi Alexander Satariano u Tomislav Papazov filwaqt li jilqgħu lil Neil Micallef, Alessandro Coppola u lil Maxuell Maia minn sospensjoni.
Min-naħa l-oħra, Nathan Agius huwa sospiż għal Mosta.
Fit-tliet logħbiet diretti, Birkirkara kisbu tliet rebħiet bl-iskors ta’ 1-0 u darbtejn 2-0.
Hibernians v Gzira U. – Din hija logħba formali għal Hibernians meta jilagħbu kontra Gzira United li jimmiraw għat-tliet punti biex jinqagħtu għal kollox min-naħa t’isfel tal- klassifika.
Peró, huma ma jistgħux jutilizzaw lis-sospiżi Thiago Espindola De Paula u Joseph Minala filwaqt li jirritorna Shaquill Montell.
Għall-Pawlisti jirritorna Lucas Villela Lapert minn sospensjoni.
Fiż-żewġ partiti diretti Hibernians rebħu 2-0 u 4-1.
Zabbar SP v Balzan – Għal din il-logħba Zabbar St Patrick se jirritornawlhom Strahinja Jovancic, Kirstian Keqi iżda l-goalkeeper Justin Haber u Felix Wallace Bonilha jibqgħu sospiżi u magħhom jingħaqad Jurgen Pisani. Victor Blasco Llorens huwa sospiż għal Balzan.
Iż-Żabbarin għamlu tripletta ta’ rebħiet fuq il-Balzanin bl-iskors ta’ 2-0, 2-1 u 3-0.
Naxxar L. v Melita– Rebħa għal dawn iż-żewġ timijiet hija fondamentali … Naxxar Lions biex jiftħu vantaġġ ta’ sitt punti fuq Melita li jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika … filwaqt li l-istess Melita jilħqu lin-Naxxarin.
Kull team għandu player sospiż – Naxxar lil Nikolai Micallef filwaqt li Melita għandhom lil Karl Mohnani.