Minn Cristian Muscat
Matul dawn il-jumejn tintlagħab id-disa’ ġurnata tal-Closing Round bl-aktar partita mistennija hija dik bejn Hamrun Spartans u Floriana … konfront dirett bejn it-timijiet li qed jokkupaw l-ewwel żewġ postijiet.
Partita oħra mill-aktar interessanti hija dik bejn Hibernians u Valletta … biż-żewġ timijiet qed jissieltu għal post mat-Top Six.
Marsaxlokk u Sliema Wanderers jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti meta jiffaċċjaw lil Mosta u lil Tarxien Rainbows rispettivament.
Gzira United għandhom partita delikata kontra Zabbar St Patrick li bħal donnhom ittrasformaw lilhom infushom taħt it-tmexxija l-ġdida tal-coach, Gilbert Agius.
Anke l-partita bejn Naxxar Lions u Birkirkara għandha tkun waħda interessanti fit-taqtiegħa għal post mal-ewwel sitta.
Hamrun S. v Floriana – Din il-logħba għandha tiġbed attendenza kbira lejn l-Istadium Nazzjonali minħabba li l-ewwel żewġ timijiet se jaffrontaw lil xulxin.
Rebħa għal Floriana tkun tfisser li jsaħħu posthom fil-quċċata tal-klassifika b’ħames punti filwaqt li rebħa għal Hamrun Spartans tkun tfisser li jaqbżu waħedhom fl-ewwel post b’vantaġġ ta’ punt wieħed.
Min-naħa l-oħra, Floriana jridu jpattu għad-diżappunti ta’ dawn l-aħħar snin hekk kif qatt ma rnexxielhomx jegħlbu lill-Ispartans, bl-aħħar rebħa tmur lura għat-3 ta’ Frar, 2018, bl-iskor ta’ 1-0.
Fiż-żewġ partiti tal-Opening Roud, il-Ħamruniżi ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1 u 2-0.
Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli.
Hibernians v Valletta – Hibernians jiltaqgħu ma’ Valletta fejn xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.
Dan minħabba li huma jinsabu fil-periklu li jerġgħu ma jikkwalifikawx mat-Top Six.
Il-Pawlisti se jkunu mmexxija mill-coach il-ġdid, Andrei Agius, wara t-tkeċċija ta’ Branko Nisevic, wara l-eliminazzjoni mill-FA Trophy, fit-telfa ta’ 3-2 kontra Gzira United.
Huma ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi u se jilagħbu kontra team li ġej minn telfa ta’ 1-0 kontra Sliema Wanderers.
Hibernians għandhom lil Dexter Xuereb u Lucas Caruana sospiżi filwaqt li Valletta ma jistgħux jinkludu lil Brandon Paiber.
Fil-partita preċedenti, Valletta kienu rebħu bl-iskor ta’ 1-0.
Tarxien R. v Sliema W. – Sliema Wanderers ma jistgħux ifallu jekk iridu jilagħbu fit-Top Six meta jiltaqgħu kontra Tarxien Rainbows li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar.
Il-Wanderers se jkunu mingħajr Marcelo Barros Santos u Murilo Henrique filwaqt li r-Rainbows ma jistgħux jagħmlu użu minn Miguel D’Alessandro għax sospiżi.
Fl-ewwel partita, is-Slimiżi rebħu bl-iskor ta’ 1-0.
Gzira U. v Zabbar SP – Din hija logħba bejn żewġ timiijet li ġejjin minn rebħa u għaldaqstant jimmiraw li jkomplu jibnu fuqha.
Fiż-żewġ partiti preċedenti, Zabbar ħarġu rebbieħa bl-iskor identiku ta’ 2-0.
Mosta v Marsaxlokk – Marsxlokk jibdew favoriti kontra Mosta li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika u mingħajr l-ebda rebħa.
Iżda x-Xlukkajri għandhom lil Juan Carlos Corbalan sospiż.
Fl-Opening Round, Marsalokk kienu ssuperaw lil Mosta bl-iskor ta’ 3-1.
Naxxar L. v Birkirkara – Naxxar Lions, it-team rivelazzjoni ta’ din il-fażi u li jinsabu fil-ħames post tal- klassifika, jilagħbu kontra l-ġirien, Birkirkara, li ġejjin minn telfa ta’ 3-0 kontra Zabbar St Patrick.
L-Istripes għandhom lil Alessandro Coppola sospiż iżda l-Lions jilqgħu lura lil Joao Vitor Cardoso.
Fl-Opening Round Birkirkara rebħu bl-iskor ta’ 1-0.

