Minn Cristian Muscat
Wara waqfa ta’ tliet ġimgħat minħabba l-impenji tat-team nazzjonali kif ukoll l-FA Trophy, matul dawn it-tlett ijiem jirritorna l-Malta Premier League hekk kif tibda tintlagħab id-dritta finali tal-Closing Round li fih t-timijiet huma maqsuma bejn it-Top Six u l-Bottom Six.
It-tliet partiti tat-Top Six se jintlagħbu fil-gżira ta’ Għawdex filwaqt li fil-programm li jmiss, it-tliet logħbiet tal-Bottom Six jiġu trasferiti wkoll f’Għawdex.
L-attenzjoni prinċipali tinxteħet fuq in-naħa ta’ fuq tal-klassifika meta l- leaders Floriana jippruvaw jispiċċaw l-ewwel biex imbagħad jilagħbu fil-partita deċiżiva kontra Hamrun Spartans għar-rebħ tat-titlu. Jekk ikunu dawn tal-aħħar li jtemmu fl-ewwel post, allura jkunu huma li jirbħu l-kampjonat minħabba li diġá rebħu l-Opening Round.
Sliema W. v Hibernians – Sliema Wanderers u Hibernians, li normalment huma meqjusa fost it-timijiet il-kbar, illum jiftħu l-programm tal-Bottom Six kif ukoll ta’ tmiem il-ġimgħa.
Fil-veritá, din hija partita ta’ formalitá minħabba li ż-żewġ timijiet huma maqbuda f’żona komda u għaldaqstant ma tkun l-ebda sorpriża li jibdew jinfilsaw lill-players żgħażagħ.
Il-Wanderers għandhom tliet players sospiżi – Steve Pisani, Adam Magri Overend u Vito Plut, iżda jirritorna José Fernando Gomes Junior minn sospensjoni.
Min-naħa ta’ Hibernians, jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli.
Fiż-żewġ partiti preċedenti, kull team rebaħ partita, Sliema bl-iskor ta’ 3-2 u Hibernians bl-iskor ta’ 3-1.
Naxxar L. v Floriana – Naxxar Lions jaffrontaw lil Floriana b’dawn tal-aħħar jibdew favoriti fuq il-karta.
F’dan l-istadju, il-Greens ma jistgħux iwaqqgħu l- punti jekk iridu jilħqu l-objettiv tagħhom.
Min-naħa tagħhom, in- Naxxarin iridu jpattu għad- diżappunt tal-eliminazzjoni mill-FA Trophy.
Iżda huma se jkollhom jgħaddu mingħajr iż-żewġ players sospiżi – il-goalkeeper Matthias Debono, li tkeċċa fl-FA Trophy kontra Gzira United, u lil Edson Cerqueira Farias iżda jirritorna Gustavo Felipe de Campo filwaqt li għal Floriana jirritorna Alen Kurtalic.
Fiż-żewġ logħbiet ta’ qabel, Floriana ħarġu rebbieħa bl-iskor identiku ta’ 3-1.
Marsaxlokk v Hamrun S. – Hamrun Spartans jiffaċċjaw lil Marsaxlokk f’dik li hija meqjus bħala partita delikata.
Iż-żewġ timijiet għandhom players sospiżi – Jose Ulises Arias u Nikolai Muscat għal Marsaxlokk u Jonny Torres għall-Ispartans. Iżda għax-Xlukkajri jirritorna Leandro Aguirre.
Fiż-żewġ partiti preċedenti, il-Ħamruniżi ħarġu rebbieħa bl-istess skor ta’ 2-0.
Valletta v Gzira U. – Din hija partita bejn iż-żewġ finalisti tal-FA Trophy wara li fi tmiem il-ġimgħa li għadda qatgħu b’suċċess il-biljett għal dan l-istadju.
Jake Azzopardi huwa sospiż għall-Beltin iżda jirritorna Neil Anthony Micallef filwaqt li Gzira jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Brooklyn Borg.
L-ewwel partita spiċċat fi draw ta’ 1-1 iżda l-Beltin rebħu t-tieni waħda bl-iskor ta’ 2-0.
Birkirkara v Zabbar SP – Birkirkara li għadhom kif ġew eliminati mill-FA Trophy u għaldaqstant fallew milli jilagħbu f’kompetizzjoni Ewropea minħabba li ġew “relegati” għall-Bottom Six, jaffrontaw lil Zabbar St Patrick.
Kull team għandu player sospiż – Donovan Stephane Makoma għal Birkirkara u Bruno Gomes Figueiredo għal Zabbar.
Iż-żewġ timijet rebħu partita kull wieħed … Birkirkara 2-0 u Zabbar 3-0.
Tarxien R. v Mosta – Dan huwa konfront bejn l-aħħar żewġ timijiet fejn il- Mostin se jkunu mingħajr Leonardo Da Silva filwaqt li Nhayson jirritorna għal Tarxien Rainbows.

