Minn Cristian Muscat
Fl-ewwel programm tas-sena kalendarja 2026, f’dawn it-tlett ijiem tintlagħab il-15-ġurnata bl-aktar partita attraenti tkun dik bejn Floriana u Hamrun Spartans liema konfront dirett jista’ jiddeċiedi r-rebbieħ ta’ dan l-Opening Round.
Iż-żewġ partiti l-oħra mit-Top Six huma validi għall-klassifikazzjoni fejn Sliema Wanderers jilagħbu kontra Marsaxlokk filwaqt li Valletta jaffrontaw lil Birkirkara.
L-aqwa partita mill-Bottom Six hija bejn l-ewwel żewġ timijiet, Hibernians u Gzira United filwaqt li ż-żewġ timijiet li jinsabu fl-aħħar postijiet, Naxxar Lions u Tarxien Rainbows jiffaċċjaw lil Zabbar St Patrick u lil Mosta rispettivament.
Floriana v Hamrun S. – Bla dubju, dan huwa l-aqwa konfront li mistenni jiġbed folla kbira lejn l-Istadium Nazzjonali anke jekk se jintlagħab f’ġurnata tax-xogħol.
Dan minħabba li jista’ jiddeċiedi minn se jirbaħ l-Opening Round u jibbukkja post fil-finali, f’Mejju li ġej.
Rebħa jew draw għal Floriana jkun ifisser post fil-finali. Għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji ta’ Hamrun Spartans biex jibqgħu jittamaw li jkunu huma li jaċċertaw post fil-finali.
Imbagħad l-aħħar ġurnata ta’ din il-fażi li se tintlagħab fi tmiem il-ġimgħa li ġej, tlaqqa’ lil Floriana ma’ Valletta u lil Hamrun ma’ Sliema Wanderers.
U għaldaqstant, biex il- Furjaniżi jilħqu l-objettiv tagħhom, iridu mill-inqas joħorġu b’punt minn dan il-konfront irrispettivament x’ikun l-eżitu kontra l-Beltin.
Iżda huma se jkunu mingħajr il-player inflwuenti, Iago Perreira Mendonca, għax jinsab sospiż.
Min-naħa tal-Ispartans jirritorna Nikolai Micallef minn sospensjoni.
Fl-ewwel round, il-Ħamruniżi ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1.
Valletta v Birkirkara – Valletta, li ġejjin minn rebħa wara tliet telfiet, jiltaqgħu kontra Birkirkara li tilfu l-partiti kollha tat-Top Six.
Għaldaqstant din hija formalitá għall-Karkariżi iżda jqumu għall-okkażjoni kontra r-rivali għal dawn l-aħħar snin.
Il-Beltin ma jistgħux jutilizzaw lis-sospiż Sava Radic iżda jirritorna Jefferson De Assis minn sospensjoni filwaqt li għall-Istripes jirritonra Kemar Reid.
Fir-round preċedenti, iż-żewġ timijiet kienu temmew fi draw ta’ 0-0.
Sliema W. v Marsaxlokk – Din hija partita bejn żewġ timijiet li sfaw eliminati mill-FA Trophy – Sliema Wanderers kontra t-team miċ-Challenge League, Swieqi United u Marsaxlokk kontra Floriana.
Il-Wanderers għandhom tliet players sospiżi – Alcino Gustavo, Jean Borg u Miguel Baggio Cover iżda jirritorna Henrique Murilo.
Nikolai Muscat huwa sospiż għax-Xlukkajri.
Fl-ewwel partita, iż-żewġ timijiet spiċċaw 1-1.
Hibernians v Gzira U. – Hibernians jaffrontaw lil Gzira United biż-żewġ timijiet għandhom żewġ players sospiżi – Pedro Caho Alves Da Silva u Cleiton De Jesus Mendonca Padilha għall-Pawlisti u Clayton Failla u Andre Carlos Penha għall-Maroons.
Iżda għal Hibs jirritorna Miullen Felicio Carvalho.
L-ewwel partita ta’ bejniethom kienet spiċċat b’rebħa ta’ 5-3 għal Hibernians.
Zabbar SP v Naxxar L. – Zabbar St Patrick għandhom bżonn rebħa jew draw kontra Naxxar Lions biex jaċċertaw milli jtemmu fl-aħħar żewġ postijiet, b’indikazzjoni kbira li se jkunu dawn tal-aħħar li se jkollhom sieq waħda fiċ-Challenge League.
Mayron Marques Barbosa da Rocha u Neil Pace Cocks huma sospiżi għal Zabbar u Naxxar rispettivament iżda jirritorna Vinicius De Paiva għal Zabbar.
Fl-ewwel partita iż-żewġ timijiet temmew 1-1.
Mosta v Tarxien R. – Mosta jimmiraw li jagħmlu double fuq it-team tal-aħħar post, Tarxien Rainbows, meta diġá għelbuhom bl-iskor ta’ 1-0.



