Sunday, September 21, 2025

Malta Premier League: Floriana u Valletta jqanqlu r-rivalitá sportiva

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Bejn illum u għada tintlagħab ir-raba’ ġurnata tal-Malta Premier League, bl-aktar partita attraenti tkun dik bejn ir-rivali eterni, Floriana u Valletta.

Hija ħasra li partita ta’ din ix-xorta tintlagħab matul il-ġimgħa filgħaxija minħabba li l-attendenza kienet tkun akbar li kieku ntlagħbet fi tmiem il-ġim­għa.

Partita oħra interessanti hija dik bejn Sliema Wanderers u Birkirkara filwaqt li Hamrun Spartans jiffaċ­ċjaw lil Zabbar St Patrick.

Hibernians, li qed jaq­smu l-ewwel post ma’ Flo­riana, jiltaqgħu kontra Mos­ta filwaqt li f’partita bilanċjata Marsaxlokk ji­lagħ­bu kontra Gzira Uni­ted. 

Konfront bejn iż-żewġ timijiet tal-qiegħ tal-klassifika, ilaqqa’ lil Naxxar        Lions u Tarxien Rainbows.

Floriana v Valletta – Bla dubju, din il-partita tkun l-aktar mistennija matul l- istaġun kollu.

Dan minħabba r-rivalitá li teżisti bejn iż-żewġ lo­kalitajiet ġirien ta’ xulxin.

Minkejja li Floriana jin­sabu fil-quċċata tal-klassifika, il-logħob ta’ Valletta kien aktar konvinċenti u għaldaqstant wieħed jis­tenna konfront offensiv hekk kif iż-żewġ timijiet joħorġu biex ifittxu l-ew­wel goal li jista’ jikkundiz­zjoni l-andament tal-partita.  

Filwaqt li l-Greens ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Gzira United, il-Lilywhites ġejjin minn rebħa ta’ 3-1 fuq Marsaxlokk li mmaturat fit-tieni taqsima.

Din hija meqjusa partita bilanċjata fejn l-iċken żball jista’ jkun detrimentali.

L-aħħar darba li dawn iż-żewġ timijiet ltaqgħu kien fis-6 ta’ April, 2024, bil-Furjaniżi joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.

Sliema W. v Birkirkara – Sliema Wanderers jiltaq­għu kontra Birkirkara li se jkunu mmexxija għall-ewwel darba mill-coach Taljan, Gianluca Festa, li fil- karriera tiegħu lagħab ma’ Inter fost timijiet oħra.

Huwa se jibda b’impenn diffiċli li jrid idawwar il-fortuni tal-Karkariż hekk kif minn tliet partiti għandhom biss żewġ punti … bl-aħħar ħarġa tagħhom tkun it-telfa ta’ 2-1 kontra Hibernians.

Xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħ­hom jekk iridu jibqgħu jżommu l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuq.

Rebħa għal Sliema tkun tfisser li jkomplu jsaħħu posthom fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika.

Zabbar SP v Hamrun S. – Hamrun Spartans jibdew favorti netti li joħorġu bit-tliet punti hekk kif wara bidu kajman, bħal donnhom qabdu r-ritmu.

Huma ġejjin minn rebħa ta’ 2-0 fuq Mosta wara żewġ draws.

Mosta v Hibernians – Din hija partita delikata għal Hibernians meta jiffaċċjaw lil Mosta li ġejjin minn reb­ħa u żewġ telfiet.

Fil-veritá, il-Mostin kien jimmeritahom aħjar u għal­daqstant ma tkun l-ebda sorpriża jekk “jisirqu” xi punti minn dan il-konfront.

Iżda  Hibernians dejjem jibqgħu ostaklu diffiċli u jinżlu b’moral għoli wara li ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 fuq Birkirkara wara li kie­nu l-Istripes li fetħu l-iskor.

Marsaxlokk v Gzira U. – Wara t-telfa diżappuntanti bl-iskor ta’ 3-1 kontra Valletta, Marsaxlokk jilagħbu kontra Gzira United li ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Floriana liema konfront setgħu rebħu fil-ħin miżjud iżda Federico Silva Virgens, waħdu quddiem il-goalkeeper Furjaniż, ix­xuttja ċentrali biex dan iċ-ċans tad-deheb intilef.

Min-naħa tax-Xlukkajri, iridu jagħrfu kif jirrijorga­nizzaw lilhom infushom biex iżommu l-pass u jibq­għu jisfidaw fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. 

Naxxar L. v Tarxien R. – Din hija partita bejn iż-żewġ timijiet li qed jokkupaw l-aħħar postijiet tal-klassifika, b’punt kull wieħed.

Filwaqt li n-Naxxarin ġej­­jin minn draw ta’ 1-1 kontra Zabbar St Patrick, it-Tarxiniżi ġejjin minn telfa ta’ 1-0 kontra Sliema.

Rebħa hija vitali għaż-żewġ timijiet fit-tentattiv li jkomplu jissieltu kontra r- relegazzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport