Minn Cristian Muscat
Bejn illum u nhar il-Ħadd li ġej tintlagħab ir-raba’ ġurnata tal-Closing Round jew aħjar l-20 ġurnata tal-Malta Premier League, bil-partita ewlenija tkun dik bejn il-ġirien, Hamrun Spartans u Birkirkara.
Partita oħra mill-aktar interessanti hija dik bejn żewġ ġganti tal-football Malti, Sliema Wanderers u Hibernians, li jġeddu r-rivalitá antika.
Floriana, li rebħu l- Opening Round u għaldaqstant kisbu d-dritt li jilagħbu fis-semi-finali għar-rebħ tat-titlu, jaffrontaw lit-team rivelazzjoni ta’ din it-Tieni Fażi, Zabbar St Patrick, li ma tkun l-ebda sorpriża jekk jikkwalifikaw mat-Top Six.
Il-programm jibda bil- partita bejn Balzan u Marsaxlokk, żewġ timijiet li fl-Ewwel Fażi spiċċaw jilagħbu mal-Bottom Six iżda filwaqt li x-Xlukkajri rkupraw, jidher li Balzan se jkunu nvoluti fil-ġlieda għas-salvazzjoni.
Gzira United jiltaqgħu kontra Melita liema partita għandha tkun ferm interessanti hekk kif għandhom erba’ punti kull wieħed wara rebħa, draw u telfa.
Mosta jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti meta jiffaċċjaw lill-ġirien Naxxar Lions li huma l-uniku team mingħajr l-ebda punt.
Hamrun S. v Birkirkara – Dan il-konfront huwa l-aqwa wieħed ta’ tmiem il-ġimgħa hekk kif il-leaders Hamrun Spartans jilagħbu kontra Birkirkara li fl-Ewwel Fażi taw l-impressjoni li kienu litteralment se jiġru bil-kampjonat meta fallew żewġ punti biss mill- ewwel għaxar partiti.
Iżda din is-sensiela pożittiva kienet segwita b’żewġ telfiet biex eventwalment ċedew l-ewwel post lil Floriana.
Għall-kuntrarju l-Ispartnas kellhom bidu kwiet immens bil-konsegwenza li kkwalifikaw mat-Top Six proprju fl-aħħar ġurnata grazzi għar-rebħa ta’ 2-1 fuq Gzira United.
Issa ma jistgħux ifallu li jipplejsjaw fl-ewwel żewġ postijiet biex ikollhom id-dritt li jilagħbu fis-semi-finali ta’ dan il-kampjonat, bil-Karkariżi diġá ssiġillaw posthom meta spiċċaw fit-tieni post tal-Ewwel Fażi.
Il-Ħamruniżi mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli filwaqt li Birkirkara ma jistgħux jinkludu lis-sospiż Manuel Ignacio Morello … iżda jirritorna Leandro Lautaro Lacunza minn sospensjoni.
Iż-żewġ timijiet ltaqgħu darbtejn fejn rebħu partita kull wieħed – Birkirkara 3-2 u Hamrun Spartans bl-iskor ta’ 2-0.
Sliema W v Hibernians – Sliema Wanderers jaffrontaw lil Hibernians f’partita li r-riżultat jista’ jmur kull naħa.
Il-pressjoni tinsab fuq Hibernians hekk kif minn tliet partiti ġabru tliet punti biss li kienu jinkludu żewġ telfiet.
Huwa imperattiv għall- Pawlisti li ma joħorġux b’idejhom vojta minn dan il-konfront minħabba l-biża’ li jaqtgħu l-kuntatt ma’ ta’ fuq.
Min-naħa tal-Wanderers, wara t-telfa xejn mistennija ta’ 1-0 kontra Zabbar St Patrick, huma rreġistraw żewġ rebħiet u għalhekk se jinżlu għal din il-partita b’moral għoli hekk kif bħal donnhom reġgħu sabu l-forma solitu.
Is-Slimiżi se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Murilo Henrique Freire Bernardo u Geoffrey Acheampong minn sospensjoni.
Għall-Pawlisti jirritorna Alex Bruno De Souza Silva iżda għandhom lil Miullen Felicio Carvalho sospiż.
Fiż-żewġ logħbiet preċedenti, l-ewwel waħda spiċċat fi draw ta’ 0-0 iżda l-oħra ntrebħet mis-Slimiżi bl-iskor ta’ 3-1.
Floriana v Zabbar SP – Floriana jridu jirritornaw għar-rebħ meta jiltaqgħu kontra Zabbar St Patrick li jinsabu fl-aqwa forma tagħhom hekk kif mill-aħħar seba’ partiti huma kisbu 16-il punt.
Barra minn hekk, filwaqt li fl-aħħar ħarġa Floriana spiċċaw fi draw ta’ 0-0 kontra Hamrun Spartans, Zabbar għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 3-0.
Huma mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni iżda Floriana se jkunu mingħajr il-player influwenti, Carlo Zammit Lonardelli, minħabba li jinsabu sospiż.
Fil-partita preċedenti, Floriana ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0.
Balzan v Marsaxlokk – Balzan iridu jagħrfu kif se jirriorganizzaw lilhom infushom meta jilagħbu kontra Marsaxlokk wara li tilfu kontra Zabbar St Patrick.
Min-naħa l-oħra, ix- Xlukkajri ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 biex jinsabu fit-tieni post flimkien ma’ Zabbar SP u Sliema W.
Balzan ma jistgħux jinkludu lis-sospiżi Henri Braham Stanic u Rafael da Silva Floro filwaqt li Jake Ghio huwa sospiż għal Marsaxlokk.
Fiż-żewġ logħbiet preċedenti, Marsaxlokk rebħu bl-iskor identiku ta’ 2-1.
Gzira U. v Melita – Gzira United u Melita għandha tkun partita miftuħa għal kull riżultat.
Għal Gżirjani jirritornaw Enrico Pepe u Luis Carlos Riascos minn sospensjoni.
Fiż-żewġ konfronti ta’ qabel, iż-żewġ timijiet rebħu partita kull wieħed – Gzira 3-2 u Melita 2-0.
Mosta v Naxxar L. – Mosta jibdew favoriti kontra Naxxar Lions li għandhom lil Degran Jackson sospiż, iżda jirritorna Neil Pace Cocks minn sospensjoni.