Minn Cristian Muscat
Wara ż-żewġ partiti internazzjonali ta’ Malta kontra l-Finlandja u l-Polonja mill-kwalifiki tat-Tazza tad-Dinja, illum jirritorna l-Malta Premier League meta jingħata bidu għat-tieni fażi tal-Opening Round hekk kif it-timijiet huma maqsuma fit-Top Six u fil-Bottom Six.
F’din il-fażi jintlagħab round wieħed fejn kull team jilgħab ħames partiti.
Bla dubju, l-aktar logħba interessanti hija dik bejn Hamrun Spartans u Valletta li ġġedded ir-rivalitá tas-snin 80.
Il-leaders Floriana jiffaċċjaw lil Marsaxlokk filwaqt li Sliema Wanderers jiltaqgħu kontra Birkirkara … bit-tliet konfronti huma miftuħin għal kull riżultat.
Hamrun S. v Valletta – Dan huwa konfront bejn iż-żewġ timijiet li qed jaqsmu t-tieni post tal-klassifika u rebħa tkun tfissser li jitilgħu waħedhom fil- quċċata tal-klassifika.
L-Ispartans ġejjin minn żewġ rebħiet, kontra Floriana (3-1) u Birkirkara (2-0) u għaldaqstant jinżlu b’moral għoli għalkemm il-waqfa internazzjonali tista’ twaqqfilhom il-kontinwitá.
Min-naħa ta’ Valletta, mill-aħħar żewġ partiti ħadu biss punt, fid-draw kontra Gzira United (1-1) u telfa kontra Zabbar St Patrick (1-0).
Għall-Ispartans jirritorna N’Dri Koffi filwaqt li Ederson Bruno Domingos jiskonta t-tieni sospensjoni minn erbgħa.
Għal Valletta jirritornaw Thaylor Aldama u Radic Sava minn sospensjoni.
Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ 1-1.
Floriana v Marsaxlokk – Il-leaders Floriana għandhom partita delikata kontra Marsaxlokk.
Huma ġejjin minn telfa kontra Hamrun Spartans u draw ta’ 2-2 kontra Sliema Wanderers … filwaqt li Marsaxlokk ġejjin minn rebħa fuq Zabbar SP (1-0) u draw kontra Hibernians (2-2).
Rebħa għal Floriana tarahom jagħmlu pass tajjeb biex itemmu mal-ewwel tnejn li jkun ifisser post fis-semi-finali fil-logħbiet deċiżivi.
Il-Greens se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Dunstan Vella minn sospensjoni.
L-uniku player sospiż huwa l-goalkeeper ta’ Marsaxlokk, Christoffer Henri Mafoumbi.
Fl-ewwel round, Floriana kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.
Sliema W. v Birkirkara – Dan huwa konfront ferm bilanċjat fejn il-pressjoni tinsab kollha fuq Birkirkara minħabba li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom … biex jilħqu lill-istess Wanderers li għandhom lil Miguel Baggio Cover sospiż.
Birkirkara wkoll għandhom lil Kurt Zammit sospiż.
Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew bl-iskor ta’ 2-2.
Gzira U. v Mosta – Din hija l-ewwel partita tal-Bottom Six fejn Gzira United jiltaqgħu kontra Mosta u rebħa għal dawn tal-aħħar tarahom jaqbżu lill-istess Maroons u jkomplu jitbegħdu miż-żona l-ħamra.
Iż-żewġ timijiet għandhom żewġ players sospiżi, Sunday Okereke Chisom u Matthew Bolanos Garcia għal Mosta … u David Xuereb u Clayton Failla għal Gzira United.
Fl-ewwel round Gzira rebħu bl-iskor ta’ 2-1.
Zabbar SP v Tarxien R. – Zabbar St Patrick jiltaqgħu kontra Tarxien Rainbows li, flimkien ma’ Naxxar Lions, jinsabu fl-aħħar post tal- klassifika.
Iż-Żabbarin ma jistgħux jikludu lis-sospiż Zean Leonardi iżda jirritorna Samuel Gomes Da Mata minn sospensjoni.
Fl-ewwel round, iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 1-1.
Hibernians v Naxxar L. – Wara d-diżappunt li ma kkwalifikawx għat-Top Six, Hibernians jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti kontra Naxxar Lions.
Iżda għandhom lil Dexter Xuereb sospiż.
Fl-ewwel round, il-Pawlisti rebħu bl-iskor ta’ 2-0.

