Friday, September 12, 2025

Malta Premier League: Hibernians v Birkirkara fl-aqwa partita

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Wara l-impenji tat-team nazzjonali mill-fażi tal-gruppi tal-kwalifikaz­zjoni tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Litwanja (1-1) u l-partita ta’ ħbiberija kontra San Marino (3-1), illum u għada tintlagħab it-tielet ġurnata tal-Malta Premier League, bl-aktar partita li tispikka tkun dik bejn Hibernians u Birkirkara.

Partita oħra interessanti hija dik bejn Valletta u Marsaxlokk filwaqt li ċ-champions Hamrun Spartans jibdew favoriti kontra Mosta.

Floriana għandhom partita delikata kontra Gzira United filwaqt li l-logħba bejn Zabbar St Patrick u Naxxar Lions hija meqjusa li se tkun partita bilanċjata fejn ir-riżultat jista’ jmur kull naħa.

Hibernians v Birkirkara – Bla dubju, din hija partita li mistennija tiġbed l-akbar numru ta’ partitarji ta’ din it-tielet ġurnata.

Iż-żewġ timijiet ma għandhom l-ebda proble­mi ta’ players neqsin u għal­daqstant mistenni konfront inċert sal-aħħar.

Il-Pawlisti ġejjin minn rebħa fuq Gzira United (5-3) u draw ta’ 2-2 kontra Zabbar St Patrick.

Mhux l-istess jista’ jin­għad għall-Karkariżi li ġejjin minn żewġ draws ta’ mingħajr goals kontra Valletta u Gzira United.

Dan ifisser li l-Istripes għadhom qed ifittxu l-ew­wel rebħa  u l-ewwel goal hekk kif huma l-uniku team li naqsu milli jagħmlu dan. Iżda min-naħa l-oħra, għadhom l-uniku team li ma sofrew l-ebda goal.

Hamrun S. v Mosta – Iċ- champions Hamrun Spar­tans jiltaqgħu kontra Mosta u minkejja li jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti, il-Mostin jippruvaw iqumu għall- okkażjoni.

L-Ispartans huma kon­xji mill-fatt li matul l-erba’ xhur li ġejjin għandhom l-impenji fil-fażi tal-gruppi tal-Europa Conference League u għaldaqstant, il-coach irid jagħraf kif jagħmel ir-rotazzjoni meħtieġa minħabba li sa Diċembru li ġej iridu jilagħbu sitt partiti, tlieta f’pajjiżna u tliet barra minn xtutna.

Kull player tal-Ispartans irid ikun preparat għas-sej­ħa tal-coach minħabba li se jinbidlu ħafna players.

Peró, wieħed irid jara kif se jirrispondu dawn il-players minħabba li jridu jiddefendu t-titlu kif ukoll ikunu jridu jimmiraw għal aspettattivi oħra biex jaqtgħu wkoll figura tajba f’din il-kompetizzjoni Ewropea. 

Intant, l-Ispartans ġejjin minn żewġ draws identiċi ta’ 1-1 kontra Tarxien Rainbows u Valletta.

Min-naħa ta’ Mosta, ġej­jin minn telfa ta’ 3-1 kontra Marsaxlokk u draw ta’ 0-0 kontra Sliema Wanderers.

Filwaqt li Hamrun Spartans jilqgħu lura lil Og­nejn Bjelicic minn sospensjoni, Mosta għandhom lil  Chukwuemeka Junior Eke sospiż filwaqt li Giancarlo Goncalves jirritorna minn sospensjoni.

Floriana v Gzira U. – Floriana jiffaċċjaw lil Gzira United f’dik li hija meqjusa bħala partita delikata.

Floriana għandhom punti massimi hekk kif għelbu lil Naxxar Lions 3-0 u lil Tarxien Rainbows 1-0.

Peró, huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ Zachary Scerri wara li tkeċċa kontra r-Rainbows.

Min-naħa tagħhom, il- Maroons, għandhom punt wieħed biss wara telfa ta’ 5-3 kontra Hibernians u draw ta’ 1-1 kontra Birkirkara.

Valletta v Marsaxlokk – Il-konfront bejn Valletta u Marsaxlokk għandu jkun wieħed interessanti … bejn team li għadu qed ifittex l-ewwel rebħa kontra team li għandu punti massimi.

Iżda minkejja li l-Beltin għadhom mingħajr rebħa, wie­ħed iqis li ż-żewġ konfronti tagħhom kienu kontra Birkirkara (0-0) u Hamrun Spartans (1-1) … ostakli tant diffiċli.

Min-naħa tax-Xlukkajri, dawn għelbu lil Mosta               (3-1) u lil Naxxar Lions (1-0) biex issa jinżlu b’moral għoli u jimmiraw jagħmluhom tlieta minn tlieta.

Rebħa għall-Beltin, ittel­lagħhom punt taħt l-istess Xlukkajri.

Zabbar SP v Naxxar L. – Din hija partita bejn żewġ timijiet li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

Filwaqt li Zabbar St Patrick għandhom punt wieħed, Naxxar Lions jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika mingħajr l-ebda punt.

Iż-Żabbarin ġejjin minn telfa kontra Sliema Wanderers (2-1) u draw ta’ 2-2 kontra Hibernians filwaqt li Naxxar sofrew żewġ tel­fiet minn daqstant ħarġiet kontra Marsaxlokk (3-1) u Floriana (1-0).

Żabbar ma jistgħux jutilizzaw lis-sospiż Youngwon Im.

Sliema W. v Tarxien R. – Sliema Wanderers jibdew favoriti li joħorġu bit-tliet punti kontra t-team promoss ta’ Tarxien Rainbows.

Wara li l-Wanderers bdew fuq nota pożittiva billi għelbu lil Zabbar St Patrick 2-1, huma ġew miżmuma minn Mosta fi draw ta’ 0-0.

Huma għandhom lil Wescley Matos Da Silva li jiskonta t-tielet sospensjoni.

Ir-Rainbows  kisbu sorpriża ta’ 1-1 kontra Hamrun Spartans iżda mbagħad sfaw megħluba minn Flo­riana bl-iskor ta’ 1-0. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport