Friday, August 22, 2025

Malta Premier League: Jispikka d-derby bejn Zabbar SP u Hibernians

Aqra wkoll

Minn – Cristian Muscat

Meta mil-lum jibda jintlagħab il-programm tat-tieni ġurnata tal-Malta Premier League, l-attenzjoni ddur fuq id-derby tan-nofsinhar ta’ Malta bejn Zabbar St Patrick u Hibernians.

Partita oħra interessanti tkun dik ukoll bejn Birkirkara u Gzira United fejn iż-żewġ timijiet ikunu qed jimmiraw għall-ewwel reb­ħa.

Min-naħa l-oħra, iż-żewġ timijiet ta’ Sliema Wanderers u Floriana jaffrontaw lil Mosta u lil Tarxien Rainbows rispettivament, biż-żewġ konfronti huma meqjusa bħala delikati.

Anke Marsaxlokk, li tant impressjonaw fl-ewwel ġurnata, m’għandhomx partita faċli kontra Naxxar Lions li minkejja li sfaw megħluba minn Floriana, xorta waħda wrew li huma avversarji denji.

Il-partitissima bejn ir-ri­vali eterni, Hamrun Spartans u Valletta, tressqet għall-31 ta’ Awissu minħabba li l-Ispartans, se jkunu mpenjati fit-tieni leg tal-play-off tal-UEFA Confe­rence League kontra Rigas FS tal-Latvja, nhar il-Ħamis, 28 ta’ dan ix-xahar. 

Zabbar SP v Hibernians – Bla dubju, din hija l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa fejn Zabbar St Patrick jimmiraw li jirrepetu s-suċċess ta’ nhar il-15 ta’ Frar, 2025, meta kienu għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 4-0 … l-unika darba li rnexxielhom jegħlbu lill-Pawlisti fil-ground minn 21 konfront.

Fit-30 ta’ Marzu, 1952, Hibernians kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 8-1 iżda ż-Żabbarin kienu ingħataw rebħa ta’ 2-0 wara protest.

Huma ġejjin minn telfa ta’ 2-1 kontra Sliema Wanderers u għaldaqstant jinżlu biex jirbħu l-ewwel punti. 

Min-naħa tagħhom, il- Pawlisti jinżlu għal din il-partita b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 5-3 fuq Gzira United.

Sliema W. v Mosta – Wara li għelbu lil Zabbar St Patrick, Slie­ma Wanderers jaffrontaw lil Mosta li ġejjin minn telfa ta’ 3-1 kontra Mar­­saxlokk. 

Il-Wanderers skorjaw l-ewwel goal tal-istaġun li wasal minn auto-goal ta’ Mayron Barbosa Da Rocha, fil-15-il minuta. Inċidentalment hekk ġara fl-istaġun 2004/05, meta nhar is-7 ta’ Settembru, 2004, huma kienu skorjaw l-ewwel goal minn auto-goal tal-player ta’ Msida St Joseph, Patrick Guia, li wkoll wasal fil-15-il minuta!

Il-Wanderers huma meq­jusa minn fost l-isfidanti ewlenin wara li kienu ferm attivi fis-suq tat-trasferimenti.

Barra minn hekk huma jridu jpattu għad-diżappunt li ma kkwalifikawx għall- kompetizzjonijiet Ewropej fl-istaġun li għadda meta sfaxxaw fl-aħħar parti.

Għall-Mosta, din il-logħba hija test diffiċli u ma jaffordjawx li joħorġu b’idej­hom vojta minħabba li min­kejja li għadna fil-bidu tal-kampjonat, huma jistgħu jinqabdu fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Wescley Matos da Silva għal Sliema u Giancarlo Goncalves għal Mosta.

Tarxien R. v Floriana – Wara l-prestazzjoni li wrew fl-ewwel ġurnata, din hija partita meqjusa bħala waħda bilanċjata bejn it-team promoss ta’ Tarxien Rainbows u Floriana li f’dan is-suq tat-trasferiment neħ­ħew bosta players validi li fl-istaġun li għadda għenu biex il-Greens kienu ferm viċin li jirbħu l-kampjonat.

L-aħħar darba li ltaqgħu dawn iż-żewġ timijiet kien nhar it-13 ta’ Jannar, 2021, fejn spiċċaw fi draw ta’ 2-2.

Filwaqt li r-Rainbows neżlin bl-aqwa elementi, Floriana se jkollhom jgħaddu mingħajr il-midfielder, Carlo Zammit Lonardelli, li qed jirkupra minn injury fil-hamstring.

Birkirkara v Gzira U. – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li ma kisbux rebħa fl-ewwel ġurnata … Birkirkara temmew fi draw ta’ mingħajr goals kontra Val­letta filwaqt li Gzira United sfaw megħluba minn Hibernians bl-iskor ta’ 5-3.

Wara li l-Maroons fetħu vantaġġ ta’ 3-1, huma sof­rew erba’ goals mingħajr risposta biex litteralment irmew ir-rebħa.

Għaldaqastant huma jri­­du jirriorganizzaw u jim­miraw li joħorġu bit-tliet punti.

Iżda huma se jilagħbu kontra team li kompla jis­saħħaħ mill-istaġun li għad­da u għalhekk iridu jku­nu fl-aqwa forma pos­sibbli.

Minkejja li fuq il-karta l-Karkariżi jibdew bħala fa­voriti, il-Ġżirjani jkunu lesti biex iqumu għall-ok­każ­joni.

Naxxar L. v Marsaxlokk – Din hija logħba bejn Nax­xar Lions, li fl-aħħar impenn ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 3-1, … u Marsa­xlokk li ġejjin minn rebħa ta’ 3-1.

Jidher li x-Xlukkajri hu­ma armati tajjeb meta għamlu diversi akkwisti li bosta minnhom jafu l-ambjent tal-kampjonat Malti. 

Min-naħa tagħhom, in- Naxxarin kellhom prestaz­zjoni sodisfaċenti kontra Floriana li bi ftit aktar fortuna setgħu kisbu d-draw kontra Floriana …

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport